Filmat: “Il-€100 miljun stajna nagħtuhom lill-100,000 ħaddiem illum bla xogħol” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-€100 miljun li l-eks Ministru Konrad Mizzi wiegħed permezz ta’ kuntratt li jingħataw Steward Healthcare għat-tliet sptarijiet fir-responsabbiltà tagħhom anke jekk dawn ifallu, setgħu jingħataw lill-100,000 ħaddiem li llum jinsabu bla xogħol.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista llejla indirizza lill-midja, wara li fil-Parlament kien għadu kemm ġie diskuss il-kuntratt ma’ Stewards Healthcare tal-Gvern dwar it-tliet sptarijiet f’dibattitu jaħraq. Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex jiġi investigat dan il-kuntratt ma ġietx approvata.

Huwa kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u s-Segretarju Ġenerali Interim Francis Zammit Dimech.

Delia qal li minkejja l-miljuni li ħallas il-Gvern lil Steward Health Care, fl-Isptar t’Għawdex u ta’ Karin Grech ma sar xejn, u l-Isptar San Luqa huwa mitluq. Sostna li l-Gvern ħallas ‘il fuq minn €62 miljun lil Steward u lil Vitals qabilhom, u kien kollu ta’ xejn.

“Dawk il-€100 miljun stajna nagħtuhom lill-100,000 ħaddiem li bħalissa qed ibati,” stqarr Delia. Spjega kif illejla, kif l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni dwar it-tliet sptarijiet sabiex tinbeda investigazzjoni, kien hemm opportunità li l-Maltin jieħdu lura dak li hu tagħhom, imma sar it-tradiment doppju meta l-membri tal-Gvern kollha baqgħu jappoġġjaw dan il-kuntratt. B’hekk, skont Delia, dawn kollha saru kompliċi għal din is-serqa minn bwiet il-Maltin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed li jibqa’ sal-aħħar nifs jipprova jinsisti ġol-Qrati b’kull mod legali biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin.