Filmat: “It-tweġibiet qegħdin Londra u mhux l-UE” – Barnier dwar Brexit

In-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier qal li “t-tweġibiet dwar Brexit qegħdin Londra u mhux l-Unjoni Ewropea”.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ lin-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier. Fil-laqgħa li Barnier kellu mal-Prim Ministru f’Kastilja huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tassigura ftehim għar-Renju Unit bħala pajjiż terz mal-Unjoni Ewropea u mhux biss ftehim ta’ ħruġ li huwa sejjaħlu “ftehim ta’ divorzju”.

F’konferenza fil-Berġa ta’ Kastilja, Muscat qal li waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, Michel Barnier żar postijiet li l-aktar se jintlaqtu minħabba Brexit fosthom id-Dwana. Muscat sostna li l-ballun jinsab f’saqajn il-Gvern tar-Renju Unit. Huwa saħaq li Michel Barnier għamel biċċa xogħol eċċezzjonali li fiha spikkat l-għaqda u l-konsistenza tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu Michel Barnier irringrazzja lill-Prim Ministru u t-tim diplomatiku Malti għas-sapport li tawh tul dawn l-aħħar xhur u tal-fiduċja li wrieh il-Gvern Malti. Spjega li x-xogħol tiegħu bħala negozjatur tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea huwa kumpless.

Huwa semma li din hija t-tielet żjara bħala Negozjatur Ewlieni u hawn saħaq li huwa n-negozjatur ta’ Malta ukoll. Fisser kif xogħlu huwa li jisma’ x’irid il-Gvern, l-istakeholders, u n-negozji Maltin kif ukoll il-Parlament nazzjonali. Saħaq li jibqa’ kommess li jaħdem għal direzzjoni komuni.

Dwar is-sitwazzjoni politika fir-Renju Unit, Barnier qal li d-diskussjonijiet bejn il-partiti Ingliżi għadhom għaddejjin u qal li se jkompli jsegwi bil-għan li jifhem aħjar x’se tkun ir-relazzjoni futura tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit.

Qal li l-Unjoni tista’ tkun aktar ambizjuża jekk ir-Renju Unit ikun irid jifforma parti mill-Customs Union. Dan filwaqt li saħaq li għandha tiġi assigurata l-integrità tas-single market u l-awtonomija tas-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Fakkar kif fil-presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġiet iffurmata l-istruttura ta’ kif għandhom isiru n-negozjati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ lin-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea Michel Barnier.

Barnier qed jiltaqa’ ma’ diversi membri tal-Gvern fejn qed jistħarreġ il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar ir-Renju Unit. Fil-laqgħa li Barnier kellu mal-Prim Ministru f’Kastilja huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tassigura ftehim għar-Renju Unit bħala pajjiż terz mal-Unjoni Ewropea u mhux biss ftehim ta’ ħruġ li huwa sejjaħlu “ftehim ta’ divorzju”.