Live-in għat-tfal li għandhom ħuthom b’diżabilità

Bejn l-1 u 2 ta’ Novembru li ġej iċ-Church School Children’s Fund se tkun qed torganizza live-in li fih jinkludi sensiela ta’ workshops għal dawk it-tfal li għandhom ħuthom b’diżabilita.

L-isem ta’ dan il-live-in huwa Sibshine u se jinkludi attivitajiet rekreazzjonali bil-għan li adolexxenti bejn id-9 u t-12-il sena, li jattendu fl-iskejjel tal-Knisja, jiltaqgħu flimkien u jkunu ta’ appoġġ għal xulxin. Permezz ta’ dan il-live-in it-tfal se jkunu qed jieħdu gost u jitgħallmu ħiliet differenti dwar kif jistgħu jegħlbu l-isfidi li jkunu għaddejjin minnhom.

Iċ-Church Schools Children’s Fund (CSCF) hija għaqda volontarja fi ħdan is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija.  Din l-għaqda ġiet imwaqqfa minn numru ta’ ħaddiema soċjali li jaħdmu mas-segretarjat tal-edukazzjoni nisranija. Dawn il-ħaddiema soċjali ħassew il-bżonn li jwaqqfu dan il-fond sabiex ikunu jistgħu jgħinu familji li għaddejjin minn xi diffikultà fosthom problemi finanzjarji, emozzjonali u dawk soċjali. CSCF toffri diversi għajnuna fosthom: terapija lit-tfal u ż-żgħażagħ; li tinkludi terapija bil-logħob jew bid-drama u anke psikologi, kif ukoll xiri ta’ affarijiet, uniformijiet, kotba u dak kollu li jkun hemm bżonn.

Matul din is-sena ċ-Church Schools Children’s Fund ingħatat fondi għal żewġ proġetti mill-Aġenzija Żgħażagħ u mill-Malta Council for Voluntary Sector. Permezz tal iskema BeActive, sponsorjat mill-Aġenzija Żgħażagħ, din l-għaqda volontarja organizzat live-in ta’ tlitt ijiem għal żgħażagħ li kienu fit-tielet u r-raba’ sena fl-iskejjel sekondarji dwar id-diversità kulturali. Il-proġett l-ieħor li kien sponsorjat mill-Aġenzija Żgħażagħ huwa l-A4U li permezz tiegħu is-CSCF ħadmu ma’ żgħażagħ minn 12-il skola tal-knisja differenti, fuq programm ta’ ħiliet bażiċi immirat għal dawk li għandhom diffikultà akkademika. L-għan ta’ dan il-programm kien biex iż-żgħażagħ fil-futur ikunu indipendenti fl-affarijiet bażiċi fosthom kif isajru, inaddfu u jsewwu xi buttuna. Diversi volontiera ta’ din l-għaqda volontarja offrew sezzjonijiet ta’ terapija għal żgħażagħ li kienu għaddejjin minn xi diffikultajiet.

Apparti minn hekk iċ-Church Schools Children’s Fund ħejja taħriġ li jinkludi ħiliet ta’ għajnuna lill-għalliema tal-guidance fl-iskejjel tal-Knisja u lill-istaff tas-segretarjat għall-edukazzjoni nisranija. Dan il-proġett sar bis-saħħa tal-fondi li din l-organizzazzjoni rċeviet permezz tal-iskema Training Initiatives Scheme.

Din l-Għaqda Volontarja matul is-sena tagħmel diversi attivitajiet biex jinġabru fondi sabiex ikunu jistgħu joffru l-għajnuna lil diversi familji. Kull minn jixtieq jagħmel xi attività b’risq iċ-Church Schools Children Funds jista’ jagħmel dan sabiex ikompli jsostni dan il-fond. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ din l-għaqda volontarja permezz tal-paġna fuq Facebook inkella fuq 79790060 jew permezz tal-indirizz elettroniku info.cscf01@gmail.com