Read in English.
Peppi Azzopardi rebaħ il-Gold Award, l-ogħla unur ġurnalistiku, waqt it-30 edizzjoni tal-IĠM Awards li saru lbieraħ mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Waqthom, tħabbru r-rebbieħa tal-unuri għall-aqwa xogħlijiet ġurnalistiċi matul is-sena 2019.
Miguela Xuereb, il-fotografa ta’ Newsbook.com.mt kienet fost il-finalisti tal-Unur għall-aqwa ġurnaliżmu fotografiku tas-sena. Iggy Fenech, blogger ta’ Newsbook.com.mt kien fost il-finalisti tal-Unur għall-aqwa artiklu ta’ opinjoni jew editorjal tas-sena.
Azzopardi ngħata l-Gold Award bħala rikonoxximent tal-karriera tiegħu. Din is-sena, il-programm tiegħu Xarabank twaqqaf milli jixxandar fuq it-TVM. Huwa kien l-iżjed programm li dam jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali. Minkejja dan, Xarabank xorta waħda għadu jsir, imma qed isir online.
Il-preżentatur ġie rikonoxxut bħala l-ġurnalist li ttrasforma t-televiżjoni lokali. Huwa ntgħażel minn ġurija magħmula mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li ppreżentatlu l-premju, u żewġ eks rebbieħa tal-istess premju, Fr Joe Borg u Laurence Grech.
Peppi Azzopardi ma setax jiġbor il-premju għaliex kien qiegħed jippreżenta l-maratona tal-Caritas, imma kellu kollegament dirett waqt l-avveniment. Fid-diskors ta’ ringrazzjament li għamel, huwa wiegħed li jibqa’ jkun il-vuċi tal-ftit: tal-priġunieri fil-ħabs, tal-immigranti, tal-persuni b’diżabbiltà, tal-persuni LGBTIQ u lit-tarbija li hawn min ma jridx iħalliha titwieled. Huwa ddedika l-premju tiegħu lil Daphne Caruana Galizia.
Apparti l-Gold Award, l-ogħla unur l-ieħor kien tal-aqwa investigazzjoni tas-sena. Dan tal-aħħar intrebaħ minn Herman Grech u Jacob Borg mit-Times of Malta tal-investigazzjoni li wettqu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan l-unur ġie ppreżentat mill-President ta’ Malta, George Vella wara li jagħmel diskors dwar l-istat tal-ġurnaliżmu f’Malta.
It-trażmissjoni bdiet fit-8pm fuq TVM2. Is-serata fuq it-tapit l-aħmar hija ppreżentata mill-ġurnalista tal-ONE Kelly Peplow u mill-ġurnalist tan-Net Keane Cutajar. Huma qegħdin jintervistaw lill-finalisti u l-kapijiet tal-kmamar tal-aħbarijiet ewlenin f’Malta qabel iċ-ċerimonja.
Iċ-ċerimonja finali bdiet fid-8.45pm u ġiet ippreżentata minn Colin Fitz u Valerie Vella.
Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, November 14, 2020
Għal din iċ-ċerimonja setgħu japplikaw il-ġurnalisti nfushom billi jissottomettu x-xogħol tagħhom permezz tas-sit igm.mt kif ukoll l-edituri tal-kmamar tal-aħbarijiet f’isem ġurnalisti oħra.
Wara li ġew sottomessi l-applikazzjoni nħatru żewġ panels ta’ ġurija li ntgħażlu skont il-ħiliet, kwalifiċi u esperejnzi tagħhom fil-qasam ġurnalistiku u aspetti tal-medja.