Read in English.
Illejla, fil-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re, ir-Raħal Ġdid, l-Arċisqof Cħarles Scicluna ser jordna 10 saċerdoti ġodda. Ġurnata ta’ ferħ kbir u tant mistennija għall-Knisja f’Malta li minħabba l-COVID-19 kellha tiġi posposta b’aktar minn xahrejn.
Din l-ordinazzjoni kellha ssir nhar is-Sibt 18 ta’ April iżda minħabba l-imxija ta’ COVID-19, mhux biss ġiet postposta imma qegħda ssir b’mod ridott. Il-Knisja ta’ Kristu Re, hi l-akbar knisja f’Malta u bir-restrizzjonijiet minħabba d-distanza soċjali tini ser tkun tista’ tilqa fiha 400 persuna u ftit saċerdoti.
L-Ordinazzjoni presbiterali, normalment issir ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, iżda d-daqs tal-post ma ppermettiex dan.
Għalkemm ser tingħata preferenza lill-qraba u ftit ħbieb intimi tal-Ordinandi, din iċ-ċelebrazzjoni li tibda fis-6.30pm ser tixxandar live fuq TVM2, Newsbook.mt, u l-YouTube Channel u l-paġna ta’ Facebook tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
L-għaxar djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti huma:
- Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi
- David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
- Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat
- Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq (Moviment tal-Fokolari)
- Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
- Michael Debono, Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwita)
- Damian John Formosa, Salesjan ta’ Don Bosco
- Jake Mamo, Salesjan ta’ Don Bosco
- Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi
- Paul Spiteri, Salesjan ta’ Don Bosco