Filmat: Il-wasla tar-raba’ vapur

Read in English.

Illum wasal fiċ-Ċirkewwa r-raba’ vapur li qed jinkera b’mod temporanju mill-Gozo Channel sabiex jgħin lill-kumpanija tlaħħaq mad-domanda tal-vjaġġi fis-sajf.

AQRA dwar ir-raba’ vapur ta’ Għawdex

Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li l-vapur irmonka fiċ-Ċirkewwa, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li fi vjaġġ wieħed il-vapur se jkun jista’ jbattal il-waiting bay kollha. spjegat li bħala velocità għandu veloċità iktar mill-vapuri li topera bihom il-Gozo Channel illum u jfisser li t-traġitt se jkun iqsar.

Ma’ Newsbook.com.mt Caruana qalet li ma setgħetx tiżvela kemm ġie jiswa dan il-proġett minħabba n-natura kummerċjali tiegħu. Qalet li l-investiment kien “xieraq u mistħoqq”.

Żiedet tgħid li l-Gozo Channel mhux se tkun qed tagħmel dejn biex tħallas dan il-vapur. Qalet li meta xtara l-vapuri ġodda fil-passat, il-Gvern Nazzjonalista kien ħalla d-dejn. Mistoqsija x’waqqaf lill-Gvern Laburista milli jibni vapuri ġodda, Caruana qalet li llum il-ġurnata t-tarzna mhix tal-Gvern u allura l-kundizzjonijiet jinbidlu.

Iċ-Ċerpersin tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li mhux faċli li wieħed isib vapuri li huma simili għal dawk li diġà għandu l-Gozo Channel. Mistoqsi dwar it-tender li jmiss biex il-vapur jibqa’ f’Malta b’mod permanenti, Cordina qal li dan ikun miftuħ għal kulħadd u li jistgħu wkoll japplikaw għalih il-kumpanija li rebħet it-tender bin-Nikolaos.

Cordina, bħall-Ministru ma riedx jiżvela kemm kien kbir l-investiment li sar biex jinkera dan ir-raba’ vapur.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan ifisser li se toħroġ issa skeda ġdida fejn se jkollna issa wkoll vapur ideddikat għall-vetturi kummerċjali. Qalet li issa x-xogħol ta’ manutenzjoni se jkun jista’ wkoll jiġi skedat. Spjegat li l-proċess ilu għaddej madwar sena fejn saret ukoll ħafna riċerka, pero issa qiegħdin fi proċess fejn hemm ukoll it-tender li se jkun qed iġib ir-raba’ vapur b’mod permanenti għall-Gozo Channel.

F’Mejju li għadda, wara li ġie mħabbar ir-raba’ vapur li se jkun qed jiżdied temporanjament mal-flotta tal-Gozo Channel, kelliem għall-vapur il-ġdid bl-isem Nikolaos qal li l-vapur jakkomoda 160 karozza, 650 passiġġier fis-sajf u 350 passiġġier fix-xitwa.

Chris Said kien sostna li filwaqt li hemm min qed jgħid li l-vapuri eżistenti jridu jinbidlu fi żmien 10 snin, malli jagħlqu 30 sena, il-vapur li nkera biex jiżdied mal-flotta tal-Gozo Channel għandu 32 sena.

Ġie spjegat li l-vapur Nikolaos li nbena fl-1987 ġie mikri għal perjodu definit sakemm jinħareġ tender internazzjonali biex eventwalment il-kumpanija Gozo Channel tikri l-vapur għal perjodu itwal ta’ żmien.

Fi Frar, il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana kienet qalet li l-vapuri tal-Gozo Channel huma uniċi u għalhekk kien ferm diffiċli jinstab vapur ieħor li jista’ jiżdied mal-flotta u li jkun jista’ jirmonka fil-portijiet taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex.

Filmati: Christoph Schwaiger