Is-sens ta’ mistħija, l-indiema u t-tama fil-qofol tal-messaġġ tal-Papa fil-Via Crucis

Il-messaġġ tal-Papa Franġisku fi tmiem il-Via Crucis li saret illejla fil-Kolossew f'Ruma kien ibbażat fuq tliet kelmiet ewlenin: is-sens ta' mistħija; indiema u tama.
Fl-aħħar talba, miktuba mill-Papa nnifsu, sostna li l-bniedem għandu numru ta’ raġunijiet għalfejn għandu jħoss sens ta’ mistħija, li jinkludu meta wieħed jagħżel il-poter u l-flus minflok lil Alla. Semma wkoll il-gwerer li qed iħallu dinja mfarrka u mimlija marġinalizzazzjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Papa kompla t-talba tiegħu billi fakkar fl-indiema, li qal li hija marbuta mal-garanzija li Alla se jsalvana mill-ħażen, mill-mibgħeda, mill-egoiżmu, mis-sens ta’ kburija u r-regħba. Spjega li l-indiema tiġi biss meta wieħed iħoss sens ta’ mistħija u jirrealizza kemm hu żgħir u insinjifikanti.
Min-naħa l-oħra, t-talba tal-Papa għamlet referenza wkoll għat-tama li jiddeskriviha bħala xi ħaġa li “ddawwal id-dlamijiet tad-disperazzjoni tal-bniedem” għax il-bniedem jaf li l-unika mezz kif tkejjel l-imħabba ta’ Alla hija “li tħobb mingħajr qies u kundizzjonijiet”.
Talab sabiex il-messaġġ tal-Kelma ta’ Alla jibqa’ jispira lin-nies u sabiex il-Knisja tibqa’ tkun mudell ta’ ġenerożita bla rażan, post fejn wieħed jikseb is-salvazzjoni u sors ta’ ċertezza u verità, minkejja n-numru ta’ persuni li jippruvaw jisskreditawha.
Din is-sena, ir-riflessjonijiet tal-Via Crucis inkitbu minn żgħażagħ ta’ bejn it-13 u d-19-il sena. Dan fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ottubru li ġej, li fuq talba tal-Papa nnifsu se jitratta ż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali.
It-temi kienu jvarjaw minn immigrazzjoni għall-komunikazzjoni ma' Ġesù.