Il-bniedem irid jifhem li s-salvazzjoni tiġi mill-Mulej – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=_IC_vsL_-LI]

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li l-bniedem irid jifhem li s-salvazzjoni tiġi permezz tal-Mulej u mhux minħabba l-ħila tal-bniedem.
Waqt il-Quddiesa taż-Żjut f’Ħamis ix-Xirka li tmexxiet mill-Arċisqof fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, Mons. Scicluna qal li l-bniedem jista’ jaqa’ fit-tentazzjoni li jibda jemmen li s-salvazzjoni ġejja mill-qawwa u tjubija tiegħu stess.
Fi kliem l-Arċisqof, wara din it-tentazzjoni hemm suppervja sottili, dik tal-għadu li jipprova jipperswadi li l-bniedem huwa awtonomu u li huwa awto-suffiċjenti.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof issuġġerixxa li l-bniedem għandu jissieħeb fil-konsagrazzjoni tal-Mulej li fuqu hemm il-qawwa ta’ Alla. Qal li din għandha tipperswadina li l-bniedem, mingħajr ma jistħoqqlu, huwa l-qaddej ta’ Alla.
L-Arċisqof qal li l-qawwa tal-bniedem tiġi mill-Mulej. Żied jgħid li l-bniedem għandu jagħraf id-djufija tiegħu u jagħraf li għandu bżonn is-salvazzjoni ta’ Alla.
Mons. Scicluna fakkar fil-kliem tal-Ewwel Qari, “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għaliex il-Mulej ikkonsagrani”. Skont l-Arċisqof din hija frażi għażiża għaliex kien Ġesù stess li għażilha biex jipproklama u jħabbar il-programm messjaliku tiegħu.
Mons. Scicluna avża dwar id-disprezz sottili li jsir lejn il-Misteru tal-Inkarjazzjoni. Qal li Ġesù miet tassew u qam mill-imwiet tassew.
L-Arċisqof qal li ż-żejt li jiġi kkonsagrat f’dawn iż-żminijiet huwa żejt li jidlek il-ġisem tal-Insara, li jintuża’ fil-magħmudija u li jikkonsagra wkoll l-affarijiet li jiġu ddedikati lil Mulej.
Skont l-Arċisqof ta’ Malta, iż-żejt imqaddes huwa sinjal li l-Mulej irid li l-ħolqien jipparteċipaw fil-lingwaġġ tas-salvazzjoni.
Filmat: Il-Knisja f'Malta