Filmat: “Diversi nies jinsabu maħnuqa minn dak li hu ħażin” – Papa Franġisku

 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=nIOTdKQssiA]

Il-Papa Franġisku qal li ħafna nies jinsabu maħnuqa minn dak kollu li hu ħażin u  kellu kliem iebes għat-traffikanti tal-armi għax fi kliemu, l-armi jġibu l-ħażen, il-firda u l-qerda.
Fil-messaġġ tiegħu waqt l-Urbi et Orbi, f’messaġġ għad-dinja, il-Papa Franġisku kkundanna wkoll lin-nies li qed jeqirdu ħajjet ħaddieħor u l-attakk li sar ilbieraħ, fejn karozza-bomba kbira splodiet diversi coaches  fis-Sirja u qatlet mill-inqas 39 persuna.
Huwa rrefera għal ħażen soċjali li qed jaħkem id-dinja, mhux biss il-gwerer, li qed jeqirdu diversi tfal li qed jiġu abbużati u użati, imma wkoll id-drogi li qed iħallu diversi vittmi.
Il-Papa ftakar f’dawk in-nies li jinsabu mitlufa fid-deżert u f’dawk in-nies li m’għandhomx kenn tal-ħitan ta’ djarhom. Il-Papa Franġisku qal li Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, imur ifittex dawn in-nies biex jagħtihom il-kuraġġ tiegħu.
Mill-gallarija ċentrali tal-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li Ġesù Kristu ried jagħtina eżempju bil-passjoni u l-mewt tiegħu, hekk kif  bil-qawmien tiegħu, il-poplu jista’ jimxi wara Kristu mingħajr ma jintilef.
Huwa sellem lil dawk li qed imorru fil-periferiji u jfittxu lin-nies imwarrba bl-akbar imħabba u determinazzjoni biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu, Kristu rebbieħ fuq il-mewt.
Il-Papa  faħħar wkoll li dawk li qed jibnu l-pontijiet u mhux il-ħitan li jifirdu.
Saħaq li hemm bżonn jissaħħaħ l-ambjent demokratiku u d-drittijiet tal-libertajiet kollha.
Temm jgħid li Ġesù miet, sabiex in-nies iħarsu lejh u jsibu l-faraġ fih.
Intant minkejja li t-tradizzjoni hija li l-Papa ma jagħmilx omelija fil-Quddiesa ta’ filgħodu u jitkellem waqt l-Urbi et Orbi, il-Papa Franġisku kiser in-norma u għamel ħsieb fil-Quddies.
Fil-ħsieb qasir tiegħu waqt il-Quddies ta’ dalgħodu, il-Papa prova jwieġeb ftit mill-mistoqsijiet li ħafna jistaqsu: fosthom għala hawn dawn it-traġedji madwarna ġaladarba Kristu qam mill-Mewt.
Filwaqt li ftakar fil-mard li hawn madwarna u t-tbatijiet li  ngħaddu minnhom ta’ kuljum, il-Papa Franġisku qal li l-Għid mhux festin ta’ fjuri imma okkażjoni biex naħsbu aktar fuq il-fidi tagħna.