Filmat: “Iċċelebraw mingħajr ma’ twarrbu lil ħadd” – L-Arċisqof

“Meta tiftaħ it-televiżjoni f’dawn is-sigħat, tiltaqa’ ma’ tant spettakkli ta’ ċelebrazzjonijiet – imma aħna nistgħu niċċelebraw u nwarrbu l-ħarsa tagħna minn min għandu bżonn l-għajnuna tagħna?” Dan kien kliem il-Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna waqt li ċċelebra il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fi tmiem is-sena, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-Arċisqof kien qed jirreferi għall-fatt li l-Forzi Armati ta’ Malta salvaw diversi immigranti mill-ibħra ta’ madwarna fl-aħħar sigħat. Flimkien mal-Isqfijiet l-oħra, waqt li esprima l-apprezzament tiegħu għal dawn il-missjonijiet ta’ salvataġġ, appella sabiex il-poplu kollutal-Ewropa juri sens kbir ta’ solidarjetà. Dan hekk kif hemm nies bejn sema u ilma jistennew li jinfetħu portijiet fl-Ewropa biex jaċċettawhom. Huwa talab li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ tmien is-sena jkunu ġenwini fejn l-proxxmu jifraħ, u jħalli lil min jifraħ, mingħajr ma jabbanduna jew jinsa lil ħadd.

L-Arċisqof spjega kif illum huwa jum il-paċi, hekk kif ilha tiġi msejjħa hekk minn żmien il-Papa Pawlu VI. B’hekk, issellef kliem il-Papa Franġisku, sabiex jitlob li l-politika tkun strument ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.

Apparti minn hekk, huwa rringrazzja l-Alla għal diversi affarijiet tul is-sena 2018. Beda billi rringrazzjah għall-Isqof Awżiljarju, li l-Mulej tah permezz tal-Papa Franġisku, għax huwa ta’ wens kbir għalih u għad-djoċesi kollha.

Huwa żied jirringrazzja lill-Mulej tax-xogħol li fdalu f’missjonijiet fiċ-Ċili, tal-ġid fis-soċjetà, tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ u kif ukoll tas-seminaristi li impennjati sew b’xogħlhom li jifftxu l-vokazzjoni. Irringrazzjah ukoll tal-koppji kollha li ngħaqdu fl-imħabba tagħhom b’rabta mbierka minn Alla, u ta’ dawk kollha li għamlu ebda xogħol li sewa f’ġid.

L-Arċisqof Scicluna żied talba għal vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, kif ukoll li l-Mulej jgħin sabiex il-poplu jitgħallem jgħix flimkien f’sens ta’ tolleranza, moħfrija u rispett.

Temm l-omelija tiegħu billi talab li s-sena l-ġdida tkun sena ta’ hiena u sliem.