Filmat: It-tabib tar-ruħ u tal-ġisem, it-tnejn iridulna l-ġid – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li ”kemm it-tabib tar-ruħ kif ukoll it-tabib tal-ġisem it-tnejn iridulna l-ġid, u għalhekk tajjeb li nisimgħu leħnu”.

Fl-omelija tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ħniena Divina fis-Santwarju tal-Ħniena Divina fin-Naxxar, Mons. Scicluna spjega li t-tabib tal-ġisem irid il-ġid lill-pazjenti tiegħu u biex jagħmel dan irid jgħid il-verità rrelevanti, anke jekk quddiemu jkollu lill-Isqof. L-Arċisqof qal li kulħadd huwa pazjent imqareb kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem.

“Il-Blandun jgħinna nifhmu s-simboliżmu”

L-Arċisqof spjega wkoll kif il-blandun fih simboli li permezz tagħhom wieħed jifhem is-simboliżmu li hemm fil-Ktieb tal-Apokalissi. Fisser li l-Alpha u l-Omega huma żewġ simboli li fihom il-Mulej ġabar il-bidu u tmiem, il-mewt u l-ħajja.

“Permezz tal-pjagi nkiseb il-fejqan”

Irrefera għal simbolu ieħor fl-Apokalissi – il-ħames pjagi ta’ Ġesù li jiġu ppreżentati fuq il-blandun permezz tal-ħames boċċi tal-inċens. Spjega li permezz tal-pjagi tal-Mulej wieħed kiseb il-ħajja tiegħu. L-Arċisqof qal li huwa għandu ċerta ammirazzjoni lejn San Tumas minħabba l-intelliġenza tiegħu għax għaraf li hu jista’ jagħraf lil Ġesù permezz tal-pjagi u d-daqqa tal-lanza.

L-Arċisqof spjega li l-pjagi huma bħal bibien u twieqi li minnhom tista’ tara l-qalb ta’ Alla. Stqarr li fil-Victoria and Albert Museum hemm bust ta’ Ġesù li jiftaħ il-pjaga ta’ sidru biex juri kemm hi kbira qalbu u jistieden lil kulħadd jersaq lejh u jidħol f’intimità miegħu.

Mons. Scicluna għamel referenza għal dak li kien jitlob San Ġorġ Preca biex permezz tal-pjagi tal-Mulej in-nies ifiequ mill-pjagi ta’ ruħhom.