Filmat: Raġel armat li hedded ‘waħda tinkiteb’ arrestat wara aktar minn 6 sigħat

Aġġornat 12:05 PM

Read in English.

Posted by Alan Abela-Wadge on Sunday, November 1, 2020

Raġel ta’ 38 sena armat b’armi tan-nar u skieken fl-Imsida ġie arrestat f’operazzjoni delikata li kienet tinvolvi aktar minn sitt sigħat ta’ negozjati tard bil-lejl.

Għalkemm ħadd ma’ weġġa f’dan l-inċident, li seħħ fi Triq Qrejten, il-pulizija li daħlu biex jarrestaw lir-raġel sparaw zewġ tiri fuq wieħed mill-klieb tiegħu, li spiċċa midrub.

Kif żviluppa l-każ?

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, resident f’din it-triq qal li l-inċident beda għall-ħabta tas-7pm il-Ħadd meta raġel li allegatament kien taħt l-effett tad-droga vvandalizza karozza u beda jgħajjat li se jagħmel waħda tinkiteb.

Jidher li għall-ħabta tas-7pm, ir-raġel kellu argument ma’ sieħbu bl-argument ikompli fuq il-bankina u jolqtu karozza li kienet ipparkjata. Is-sidien tal-karozza rrappurtaw il-każ lill-Pulizija għal madwar is-7.30pm.

Waslu mill-ewwel membri tar-Rapid Intervention Unit, bil-pulizija tad-distrett jaslu ftit wara, u ġew mgħarrfa li l-persuna involuta daħlet f’residenza partikolari.

Hekk kif ħabtu fuq il-bieb, però, is-suspettat, li hu ta’ nazzjonalista Serba, fetaħ ixejjer sikkina mdaqqsa. Ir-raġel wara kkarga senter li pponta fid-direzzjoni tal-pulizija, u hedded li se jispara fuqhom.

B’hekk intalbet aktar assistenza, u t-toroq tal-madwar ingħalqu, u bdew in-negozjati sabiex ir-raġel iċedi. Waqt in-negozjati, ir-raġel deher jimxi fid-dar – fejn kien hemm tlett iklieb perikolużi – armat b’pistola kkargata.

Fl-aħħar issejħu fuq il-post il-pulizija tas-Special Intervention Unit, iżda s-suspettat baqa’ ma kkoperax.

B’hekk fis-sagħtejn ta’ filgħodu l-SIU daħlu fir-residenza, fejn tefgħu numru ta’ flashbangs. B’riżultat ta’ dawn, ir-raġel iddiżorjenta ruħu u ġie arrestat. Però f’dan il-mument, wieħed mill-klieb attakka lill-pulizija, li sparaw żewġ tiri li laqtuh. Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li kienu fuq il-post, ħadu mill-ewwel il-kelb l-isptar tal-annimali biex jiddewwa. Aktar tard, l-uffiċjali tad-dipartiment ħadu ż-żewġt iklieb oħra minn fuq il-post.

Waqt l-arrest, ir-raġel instab fuq is-sodda, bis-senter u l-pistola f’idejh.

Fi tfittxija li saret fir-residenza nstabu mijiet ta’ skrataċ, 10 oġġetti oħra bejn skieken u xwabel, kif ukoll armi bil-ponta magħmulin mill-injam.

Tim mediku tal-Emerġenza mill-Isptar Mater Dei kien ukoll fuq il-post, iżda b’xorti tajba ma kienx hemm bżonn l-għajnuna tiegħu.

L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema. Il-Maġistrat Neville Camilleri qiegħed imexxi inkjesta.

Mil-lenti tar-residenti

Dan il-filmat inġibed minn resident fl-9.45pm:

Filmat: Facebook/Chris X Malta

Dalgħodu, resident minnhom kiteb li hu u martu jinsabu qawwijin u sħaħ. Jidher li saret ħsara lill-karozza tagħhom imma, fi kliemu, “xejn li ma jistax jissewwa.”