Filmat: Saviour Gaffarena ż-żagħżugħ li nqatel f’Ħal Millieri; kuġinuh l-isptar

Read in English.

Il-Pulizija ħabbret li Saviour Gaffarena kien ir-raġel ta’ 27 sena li nqatel f’Ħal Millieri, filwaqt li kuġinuh Vince Gaffarena qed jirkupra l-Isptar Mater Dei.

Għall-ħabta tal-11.30pm, meta ntalbet l-għajnuna tagħha, il-Pulizija marret fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fejn sabet żewġ persuni midrubin ġo karozza. Wieħed, raġel ta’ 27 sena, tilef ħajtu fuq il-post, filwaqt li l-ieħor ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Waqt konferenza stampa, ġie spjegat li l-Pulizija kienet stazzjonata fl-Imqabba billi kien hemm attività tal-logħob tan-nar għaddejja meta waslet karozza fi Triq il-Konvoj ta Santa Marija li bdiet tpaqpaq il-ħorn. Minnha ħareġ ix-xufier jgħajjat li sparawlu. Minnufih beda jgħin it-tim mediku li kien diġà qiegħed hemm u ntalbet l-għajnuna tat-tobba mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

Ix-xufier kien Vince Gaffarena, żagħżugħ Imqabbi ta’ 17-il sena, u l-passiġġier, li tilef ħajtu fuq il-post, kien kuġinuh Saviour Gaffarena ta’ 27 sena, mill-Imqabba wkoll. Saviour Gaffarena kellu tir f’rasu u Vince Gaffarena kellu tir fuq ix-xellug ta’ sidru u ieħor f’wiċċu. Huwa ġie operat tul il-lejl u jinsab f’qagħda stabbli.

Fil-konferenza ġie spjegat li l-każ jidher li oriġina fiż-żona ta’ Ħal Millieri bejn iż-Żurrieq u l-Imqabba. Hemmhekk instabu xi skrataċ, għalhekk huwa mifhum li l-isparatura ġrat hemm, u mbagħad il-kuġini Gaffarena saqu lejn l-Imqabba.

Arrestati 2 żgħażagħ

Ġew identifikati żewġ suspettati u fis-2am il-Pulizija żaru xi residenzi f’Ħal Kirkop, minn fejn ġew arrestati żewġ żgħażagħ ta’ 18 u 19-il sena li huwa maħsub li wettqu r-reat. Apparti dawn, il-Pulizija qed iżżomm lil żewġ persuni oħra, żagħżugħ ta’ 17-il sena u żagħżugħa ta’ 21 sena li qed jgħinu fl-investigazzjonijiet.

Il-Pulizija qalet li dawn iż-żgħażagħ kienu magħrufin mal-Pulizija, iżda ma spjegatx b’rabta ma’ liema reati.

Il-Maġistrat Victor Axiak qed imexxi inkjesta fuq il-każ.