Delitt Ħal Għaxaq: Il-missier iwieġeb mhux ħati li qatel lil ibnu

hal ghaxaq murder qorti

Read in English.

Ir-raġel ta’ 68 sena li ġie akkużat bil-qtil ta’ ibnu lbieraħ f’Ħal Għaxaq baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel għamel użu minn arma biex wettaq ir-reat u li din l-arma intużat f’żona abitata.

Liebes qmis vjola u qalziet ċar b’bastun f’idejh, ir-raġel anzjan kien akkumpanjat miż-żewġ ulied l-oħra li kienu preżenti miegħu fl-Awla Numru 25. Mingħajr ma talab għall-ħelsien mill-arrest, l-avukat tad-difiża telab lill-Qorti biex tassigura li l-kura li kien qed jingħata fl-Isptar ikompli joħodha. Il-Maġistrat għalhekk talbet lid-Direttur tal-Ħabs biex isir eżaminazzjoni medika biex skont dak li jirriżulta tingħata l-kura meħtieġa.

Kien għall-ħabta tal-11.15am meta l-Pulizija ġew infurmati b’inċident fi Triq il-Gudja fejn aktar tard irriżulta li raġel miet fuq il-post meta ntużat arma tan-nar waqt argument bejn familja. Antoine Dalli kien ir-raġel ta’ 37 sena li nqatel allegatament minn missieru stess li għandu 68 sena.

Segwi dak li ntqal fil-Qorti minuta b’minuta:

14:16 Il-kawża tintemm u l-akkużat jittieħed il-ħabs ta' Kordin.
Beppe Galea
14:12 Il-Maġistrat talbet lid-Direttur tal-Ħabs biex tinżamm eżaminazzjoni medika u kull għajnuna medika oħra li jirriżulta li jkollu bżonn sakemm idum fil-ħabs tingħatalu.
Beppe Galea
14:11 Id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest iżda talbet biex il-kura li r-raġel kien qed jingħata fl-isptar tibqa' tingħata anke meta jkun qiegħed il-ħabs.
Beppe Galea
14:10 Wara li ġew ippreżentati l-akkużi, l-imputat wieġeb mhux ħati.
Beppe Galea
14:09 L-akkużat ta' 68 sena li twieled f'Ħal Għaxaq jinsab fl-awla. Huwa liebes qmis vjola u qalziet ċar u qed iżomm bastun.
Beppe Galea
14:08 Ġew ippreżentati l-akkużi, fosthom li s-suspettat uża arma biex iwettaq id-delitt.
Beppe Galea
14:07 Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.
Beppe Galea
14:05 L-avukati Kathleen Grima u Franco Debono qed jidhru fil-Qorti parte civile għat-tfal tal-vittma.
Beppe Galea
14:04 Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima tinsab fl-Awla. Preżenti wkoll hawn l-avukati tas-suspettat Lennox Vella u Marisa Mifsud.
Beppe Galea
14:02 Ninsabu f'Awla 25 fejn ir-raġel ta' 68 sena se jitressaq is-suspettat akkużat bil-qtil ta' ibnu.
Beppe Galea

L-awtopsja tikkonferma li l-vittma nqatel b’tir f’żaqqu

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali, il-Pulizija qalet li mill-awtopsja li saret dalgħodu ġie ċċertifikat li l-vittma nqatel b’tir f’żaqqu.

Newsbook.com.mt kien preżenti għal din il-konferenza u ħejja dan ir-rapport minuta b’minuta:

12:25 Il-konferenza ġiet fi tmiemha issa. Nirringrazzjawkom talli segwejtu Newsbook.com.mt.
Beppe Galea
12:24 Il-kelliem fakkar li kull meta jkun hemm każ ta' reat maġġuri, il-Pulizija qed tindirizza lill-midja f'konferenzi tal-aħbarijiet.
Beppe Galea
12:23 Il-missier li huwa akkużat fil-każ tad-delitt f'Ħal Għaxaq għandu tliet itfal.
Beppe Galea
12:22 Il-kelliem ma ċaħadx li l-akkużat jew il-vittma kellhom x'jaqsmu xi darba jew oħra b'każi ta' użu tad-droga.
Beppe Galea
12:22 Ġie kkonfermat ukoll li l-Pulizija talbet l-għajnuna ta' aġenziji oħrajn tal-Gvern biex iż-żewġt irġiel ikunu assistiti.
Beppe Galea
12:21 Dwar il-motiv tad-delitt, il-Kelliema qal li l-Pulizija stabbilew li din kienet kwistjoni familjari. Qal li kemm-il darba sar rapport lill-Pulizija. Spjega li kull darba li sar rapport fl-Għases, il-Pulizija aġixxew u anke tressqu l-Qorti.
Beppe Galea
12:19 Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Kelliem qal li ż-żewġ persuni kienu kemm-il darba mitkellma għal xi każijiet li kellhom fil-konfront tagħhom.
Beppe Galea
12:18 Il-kelliem tal-Pulizija ta rendikont ta' x'sabu l-Pulizija lbieraħ fuq ix-xena tad-delitt. L-arma nstabet fuq is-sodda fil-kamra tas-sodda u ġiet elevata biex issir parti mill-inkjesta.
Beppe Galea
12:17 Il-raġel huwa missier il-vittma u se jitressaq il-Qorti għall-ħabta tas-1.30pm quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima. Se jkun akkużat bil-qtil ta' Antoine Dalli.
Beppe Galea
12:16 Antoine Dalli ta' 37 sena intlaqat b'tir wieħed f'nofs żaqqu. Dan ġie kkonfermat fl-awtopsja li saret dalgħodu.
Beppe Galea
12:15 Il-konferenza indirizzata mill-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani, mis-Supretendent Ramon Cassar (Reati Maġġori) u mis-Supretendent tad-Distrett Joslin Mifsud.
Beppe Galea
11:45 Bonġu! Il-konferenza tal-Pulizija mistennija li tibda f'nofsinhar.
Beppe Galea