Filmat: Jinstab każ pożittiv; 26 ifiqu

Read in English.

Covid-19 – Press Briefing 25-4-2020

Covid-19 – Press Briefing 25-4-2020

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Saturday, April 25, 2020

Malta reġistrat każ wieħed biss ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegħa filwaqt li 26 persuna oħra fiequ.

Dawn iċ-ċifri tħabbru mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus. Ikkonfermat ukoll il-mewt li tħabbret dalgħodu ta’ mara ta’ 96 sena b’rabta mal-COVID-19.

Minkejja n-numru ta’ każi baxxi li qed jiġu reġistrati, il-Prof. Gauci appellat lin-nies biex ikomplu jibqgħu kawteli u jekk ikollhom xi sintomi jċemplu l-helpline tal-111. Fl-aħħar 24 siegħa saru 559 test.

Mistoqsija dwar jekk humiex qed jintużaw test kits ġodda minħabba problema ta’ false negatives, Gauci qalet li t-test fil-laboratju kien u għadu bbażat fuq il-proċess tal-PCR. Qalet li ġieli kien hemm tip ta’ swabs differenti imma li kollha kienu swabs ta’ min joqgħod fuqhom.

Mistoqsija dwar il-contact tracing, Prof. Gauci qalet li qed tiġi żviluppata teknoloġija ġdida li se tgħin biex il-kuntatt jinstab aktar malarj. Ma spjegatx kif taħdem din it-teknoloġija.

Liema hu l-każ il-ġdid?

Il-każ il-ġdid reġistrat illum huwa ta’ raġel ta’ 25 sena li kellu s-sintomi fit-23 ta’ April. Qed isir il-contact tracing mal-membri tal-familja tiegħu li kellu kuntatt magħhom.

Malta s’issa reġistrat 448 każi tal-COVID-19. Minnhom 195 huma każi attivi.

Min fieq?

  • 0-9 snin: 1
  • 20-29 snin: 5
  • 30-39 snin: 4
  • 40-49 snin: 4
  • 50-59 snin: 4
  • 60-69 snin: 4
  • 70-79 snin: 4

S’issa fiequ 249 persuna.

Il-Ministeru għas-Saħħa dalgħodu ħabbar li anzjana ta’ 96 sena hija r-raba’ vittma tal-Covid-19 f’Malta. L-anzjana, li kienet qed tingħata kura fl-Isptar Mater Dei, kellha kumplikazzjonijiet oħrajn tas-saħħa. Hija ġiet ikkonfermata pożittiva għall-COVID-19 fis-16 ta’ April wara li kienet iddaħħlet fl-Isptar Mater Dei. L-anzjana mietet fl-isptar matul il-lejl.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn