Filmat: 3 każijiet ġodda ta’ coronavirus, wieħed f’Għawdex

Read in English.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li ħarġu 3 każijiet pożittivi mit-testijiet li saru lbieraħ.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet hija qalet li mara ta’ 27 sena u t-tifel tagħha ħarġu pożittivi waqt li kienu fi kwarantina għax ġew f’kuntatt ma’ persuna pożittiva għall-coronavirus. Is-sintomi bdew jiżviluppaw fil-5 ta’ Mejju. Il-Professur qalet li peress li kienu fi kwarantina ma kellhomx kuntatti ma’ persuni oħra.

Każ ieħor ta’ raġel Għawdxi 34 sena li ma kellux sintomi. Huwa ttestja pożittiv waqt enhanced testing system li qed isir fuq ħaddiema f’diversi postijiet tax-xogħol kif ukoll fuq ħaddiema li jaħdmu f’servizzi essenzjali. Hija qalet li l-persuna qiegħed f’iżolazzjoni u fi kwarantina. Huwa kien imur għax-xogħol imma ma kellux kuntatti ma’ persuni oħra.

Il-Professur Gauci ħeġġet lill-pubbliku biex juża’ t-test online biex kulħadd jiċċekkja għas-sintomi fuq covid19check.gov.mt. Hija ħabbret li sa issa dan it-test intuża aktar minn 34,000 darba.

13% tal-każijiet pożittivi kienu bla sintomi

Il-Professur Gauci qalet li 13% tal-każijiet pożittivi f’Malta kienu ta’ nies li ma wrew l-ebda sintomi. Hija qalet li dan huwa fenomenu riċenti u peress li 13% huwa numru sinnifikanti, Malta qed tadotta sistema fejn qed tittestja lil persuni li ma jkunux qed juru l-ebda sintomi.

Hija appellat lill-pubbliku biex ma jmorrux f’postijiet iffullati u kulħadd jibqa’ żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin. Dan filwaqt li appellat ukoll biex tinżamm l-iġene personali u ma mmissux wiċċna b’idejna. Hija qalet ukoll biex nibqgħu f’saħħitna billi nieklu ikel tajjeb għas-saħħa u jsir l-eżerċizzju fiżiku.

Dwar in-negozji tas-sunbeds u l-umbrellel fil-bajjiet, il-Professur Gauci qalet li Malta ma kellhix bżonn tagħlaq il-bajjiet għaldaqstant dawn it-tipi ta’ negozji ma ġewx affettwati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn