Filmat: 5 każi ġodda; “ma jfissirx li s-sitwazzjoni qed titjieb”

Read in English.

Il-Professur Charmaine Gauci, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika ħabbret ħames każi ġodda tal-coronavirus. Spjegat li ħames każi biss ma jfissirx li s-sitwazzjoni qed titjieb. B’hekk issa fil-pajjiż hawn 53 każ.

Id-dettalji tal-każi l-ġodda:

  • Maltija ta’ 56 sena li kellha qarib li nstab pożittiv għall-virus qabel. Hi parti minn cluster ta’ sitt pazjenti. Il-mara ma kellha l-ebda kuntatt ma’ persuni oħrajn.
  • Malti ta’ 29 sena. Kien l-Ingilterra bejn it-8 u l-15 ta’ Marzu. Qagħad immedjatament fi kwarantina.
  • Spanjol ta’ 33 sena, li jgħix u jaħdem Malta. Mar Madrid fi Spanja bejn id-29 ta’ Frar u d-9 ta’ Marzu. Beda juri s-sintomi fit-12 ta’ Marzu. Jumejn qabel, fl-10 ta’ Marzu mar għax-xogħol għal ftit ħin. Sar risk assessment tal-kollegi tiegħu u nstab li dawn ma kinux f’riskju.
  • Malti ta’ 35 sena. Hu mar Brussell u wasal lura Malta fil-11 ta’ Marzu. Hu għamel il-kwarantina.
  • Malti ta’ 64 sena, li huwa qarib ta’ każ ieħor li marru l-Ingilterra u li kienu nstabu pożittivi għall-virus. Is-sintomi tiegħu bdew fis-17 ta’ Marzu. Dawn kienu segwew il-liġi u qagħdu kwarantina.

Il-Professur reġgħet appellat li hemm bżonn li jonqos kemm jista’ jkun il-kuntatt ma’ persuni oħrajn. Hi appellat sabiex il-pubbliku kemm jista’ jkun ma joħroġx. Appellat biex “min irid igawdi t-temp sabiħ joħroġ fuq il-bjut u fil-btieħi minflok”.

Prof. Gauci qalet li issa li t-titjiriet se jingħalqu r-responsabbiltà se taqa’ f’idejn il-poplu Malti biex joqgħod attent li l-virus ma jinfirixx.

Hi u twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Prof. Gauci sostniet li mbilli llum hawn inqas każijiet ġodda mill-bieraħ, ma jfissirx li s-sitwazzjoni qalbet għall-aħjar. Insistiet li l-agħar għadu ma ġiex. Spjegat li se jibqa’ jkun hemm każijiet.

Prof. Gauci qalet li l-ħaddiema tas-saħħa qed jilbsu l-PPE, l-istess ilbies li qed jintuża f’pajjiżi oħrajn.

Prof. Gauci qalet li kull persuna f’Malta li għandha l-virus tinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. Qalet ma jfissirx li meta persuna tirriżulta fil-pożittiv ma tkunx fi stat ta’ saħħa tajba. Qalet li m’hemmx aktar professjonisti tas-saħħa li għandhom il-coronavirus.

Il-pazjenti qed jinżammu f’postijiet differenti. L-ewwel pazjenti ddaħħlu fl-IDU u wara ġew trasferiti f’faċilità barra l-isptar. Qalet li hemm każijiet li qed jinżammu f’iżolament fid-djar tagħhom stess għax m’hemmx bżonn ikunu fi sptar. Qalet li dawn qed ikunu segwiti minn professjonisti tal-kura primarja kif ukoll il-pulizija li qed jagħmlu moniteraġġ.

Rigward il-kura tal-coronavirus, Prof. Gauci qalet li ma kienx hemm każijiet li kien hemm bżonn trattament. Qalet iżda li hawn il-mediċini li f’każ ta’ bżonn ikun hemm bżonn.

Saħqet li persuni b’mard tal-qalb, respiratorju, dijabetiċi u anzjani huma f’riskju akbar. Il-Professur qalet li dawn kollha hemm bżonn li joqogħdu attenti. Persuni li huma aktar ta’ riskju qed jinżammu fl-IDU, dawk li m’għandhomx kumplikazzjonijiet mediċi jinżammu f’postijiet oħrajn, inkluż fi djarhom.

Filwaqt li l-ġurnalisti qed jitħallew fil-libertà li jattendu għall-konferenza tal-aħbarijiet, l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed ixandru l-konferenza tal-aħbarijiet LIVE min-naħa tagħhom. Dan sabiex jevitaw li jkun hemm ħafna persuni fil-kamra fejn qed isiru l-konferenzi.

Ilbieraħ tħabbru 10 każijiet oħra tal-coronavirus f’Malta, fosthom l-ewwel żewġ anzjani. B’hekk issa, f’Malta hawn 48 każ tal-coronavirus.

Fearne b’laqgħa mal-Ministri Ewropej

Waqt telekonferenza mal-Ministri għas-Saħħa u mal-Ministri għall-Intern Ewropej, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar joint procurement bejn l-istati membri.

Id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-joint procurement għall-ilbies protettiv, għall-ventilators u, eventwalment, għall-vaċċin, għandu jibda minnufih. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tkellem ukoll dwar l-importanza li jiġu mobilizzati riżorsi finanzjarji, biex b’hekk il-pajjiż u l-qasam mediku jkollhom il-fondi neċessarji biex jikkumbattu l-Covid-19.

ODPM/MFH

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ MarzuIt-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ MarzuIr-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ MarzuIl-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ MarzuIs-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ MarzuIt-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet: 

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi. 

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.  

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi. 

16 ta’ Marzu: Jitħabbru 9 każijiet:

It-22 każ: Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx.

It-23 każ: Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif.

L-24 każ: Spanjol ta’ 15-il sena. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport.

Il-25 każ: Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro.

Is-26 każ: Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi.

Is-27 każ: Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu.

It-28 każ: Professjonist tas-Saħħa ta’ 36 sena. Kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti.

Id-29 każ: Healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina.

It-30 każ: Professjonist tas-saħħa ħasset is-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni.

Fis-17 ta’ Marzu 2020 jitħabbru 8 każijiet:

Il-31 każ: Tifel Malti ta’ 3 snin. Kien f’kuntatt ma’ wieħed mill-persuni infettati. Ħass is-sintomi fil-15 ta’ Marzu.

It-32 u t-33 każ: Familja Taljana li tgħix Malta. Il-missier kien pożittiv u issa nstabu pożittivi wkoll l-omm u t-tifel ta’ 15-il sena.

L-34 każ: Ingliża ta’ 29 sena li tgħix Malta. Ma kinitx imfsiefra, imma fil-5 ta’ Marzu daħlet l-Isptar Mater Dei bi ksur. Fit-13 ta’ Marzu ħarġulha problemi respiratorji. Jidher kien hemm kuntatt żgħir ma’ healthcare worker li kien pożittiv.

Il-35 każ: Maltija ta’ 26 sena. Ġiet lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu bdiet tħoss is-sintomi.

Is-36 każ: Malti ta’ 28 sena. Ma kienx imsiefer, imma l-post fejn jaħdem hemm nies li kienu msefrin. Kellu kuntatt ma’ persuna li kienet Sqallija. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.

Is-37 każ: Malti ta’ 62 li ġie mill-Ingilterra fuq l-istess titjira tal-35 każ. Is-sintomi ħarġu fil-15 ta’ Marzu.

It-38 każ: Malti ta’ 52 sena. Ma sifirx u ma kellux kuntatti ma’ nies li siefru u kienu sintomatiċi. Hu jaħdem f’kumpanija privata. Possibiltà li laqqat il-virus mill-gym f’kuntatt ma’ persuna oħra hemmhekk.

Fit-18 ta’ Marzu 2020 jitħabbru 10 każijiet:

Id-39 każ: Malti ta’ 70 sena.  Beda bis-sintomi fid-9 ta’ Marzu – griżmejh juġgħuh, sogħla u deni. Jinsab fi stat ta’ saħħa tajba.  Sa issa ma nstabx minn fejn ħa l-infezzjoni. Ma kienx imsiefer barra.

L-40 u l-41 każ: Żewġ nisa: 26 u 27 sena. Kienu btala l-Ġermanja u l-Polonja. Ġew lura fil-11 ta’ Marzu minn Berlin u qagħdu kwarantina. Fid-9 ta’ Marzu ħarġulhom is-sintomi.

It-42 u t-43 każ: Koppja Taljana, residenti Malta, it-tnejn ta’ 43 sena. Ma kinux imsefrin, imma kellhom kuntatt ma’ wieħed mill-każi li ħareġ pożittiv, u li kien espost fuq il-post tax-xogħol. Bdew bis-sintomi fit-12 ta’ Marzu.

L-44 każ: Mara Maltija ta’ 48 sena. Kienet Londra, ġiet lura fis-7 ta’ Marzu. Bdiet bis-sintomi fis-17 ta’ Marzu.

Il-45 u s-46 każ: Raġel ta’ 57 sena f’sala fl-Isptar Mater Dei u raġel ieħor ta’ 73 sena f’sala oħra fl-isptar instabu pożittivi. Dan wara l-każ ta’ Ingliża li tħabbar ilbieraħ. Is-swali ngħalqu u qed isiru testijiet fuq pazjenti oħra.

Is-47 każ: Malti ta’ 37 sena kellu kuntatt ma’ barrani li ġie lura mill-Ingilterra fl-aħħar jiem.

It-48 każ: Tfajla ta’ 26 sena, qariba ta’ każ ieħor li tħabbar fil-jiem li għaddew. F’din il-familja hemm 4 persuni infettati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn