Filmat: Sibna koperazzjoni mir-residenti taċ-Ċentru ta’ Ħal Far – Melillo

Amy Borg tintervista lil Dr Tanya Melillo

Read in English.

Il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo qalet li l-awtoritajiet sabu kooperazzjoni mir-residenti taċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Melillo qalet dan waqt intervista fuq Newsbook.com.mt li saret mill-ġurnalista Amy Borg.

It-tabiba spjegat li f’Ħal Far bħalissa hemm diversi sezzjoni biex il-gruppi differenti ta’ nies ikunu segregati. B’hekk min ikun negattiv għall-virus ma jitħallatx ma dawk ir-residenti li jkunu pożittivi għall-COVID-19. Ir-residenti issa ilhom 16-il ġurnata kwarantina. Melillo qalet li hi tmur ta’ spiss iċ-ċentru biex tara li kollox miexi kif suppost.

Skont Melillo hemm għadd ta’ social workers persuni oħra li qed jgħinu lill-immigranti. Qed jingħataw ukoll informazzjoni b’lingwi differenti.

Meta għandi inċempel il-111?

Dr Melillo qalet li min ikollu xi tip ta’ sintomi jew xi dubju għandu jċempel il-helpline tal-111. Hemm xi ħinijiet li fihom iċemplu aktar nies minn oħrajn, u allura jekk wieħed ma jaqbadx mill-ewwel għandu jerġa’ jipprova.

Inbati mill-hay fever. Xorta inċempel 111?

Dr Melillo qalet li ħafna drabi dawk li jbatu mill-hay fever ikunu jafu x’sintomi jkollhom is-soltu. Madanakollu, jekk ikollhom xi dubju jew jekk jaraw li s-sintomi qed jinbidlu, dawn għandhom iċemplu 111.

X’għandi nagħmel waqt li qed jeħduli swab?

Dr Melillo qalet li wieħed għandu jkun rilassat kemm jista’ jkun waqt li qed jieħu swab test. Spjegat li it-test jinvolvi l-użu ta’ swab li tkun bħal cotton wool twila li tidħol fl-imieħer. Wieħed għandu jpoġġi rasu lura. It-test idum ftit sekondi. Ikun hemm nies aktar sensittivi minn oħrajn.

Spjegat li fil-maġġoranza tal-każi r-riżultat joħroġ fi żmien 24 siegħa.

Dr Melillo qalet li l-awtoritajiet iċemplu lil dawk li jirriżultaw pożittiv għall-virus. Isiru xi mistoqsijiet u jibda l-proċess tal-contact tracing. B’hekk isir risk assessment fuq min aktar seta’ ttieħed minn dik il-persuna.

Għandi bżonn nuża ingwanti jew maskli?

Melillo qalet li l-ħasil tal-idejn huwa aktar importanti mill-ilbies tal-ingwanti. Jekk wieħed se jilbes l-ingwanti jew xi maskla, importanti li wieħed ikun jaf kif jilbishom u kif ineħħihom.

Appellat lin-nies biex jimsħu ta’ spiss nuċċalijiet u mobiles. Il-ħasil tal-idejn regolari għadu importanti.

“Il-coronavirus qiegħed pass qabilna”

Dr Melillo qalet li matul il-15-il sena li ilha f’kariga ta’ tmexxija iltaqgħet mas-sitwazzjonijeit tal-H1N1, l-Ebola, u z-Zika.

Saħqet li kellhom ħafna sfidi mal-virus li jikkawża l-COVID-19. Qalet li ċerti affarijiet qatt ma kellhom esperjenza fiha. Qalet li l-virus qed iħabbathom u li bħalissa jinsab pass quddiem l-awtoritajiet tas-saħħa. Stqarret li ħadu qatgħa dakinhar li ġew reġistrati mal-50 każ pożittiv f’Malta.

M’hemmx bżonn aktar miżuri għalissa – Dr Melillo

Il-konsulent qalet li għalissa ma tarax li hemm bżonn aktar miżuri. Spjegat li dawn mhux se jitneħħew f’daqqa u li jkun hemm pjan ta’ kif isir ix-xogħol.

Illum bejn l-4pm u l-5pm fuq Newsbook.com.mt, il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo kompliet twieġeb il-mistoqsijiet tas-semmiegħa u l-qarrejja dwar il-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn