Filmat: “Se nagħmlu t-tibdiliet meħtieġa wara l-każ ta’ Joseph Cuschieri” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li mill-każ ta’ Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA li ssospenda ruħu wara li ħarġu rapporti li siefer ma’ Yorgen Fenech f’Las Vegas, se jinġabru l-lezzjonijiet u jsiru t-tibdiliet meħtieġa. Mingħajr ma daħal fil-kwistjoni, Abela qal li se jagħti direzzjoni dwar dak li għandu jsir fil-ġranet li ġejjin.

Abela qal li fil-passat, iżda, iċ-Chairman ta’ Transport Malta ma kienx isiefer man-negozjanti iżda kien negozjant hu stess. Huwa qal li taħt din l-amministrazzjoni il-kapijiet eżekuttivi qed jitħallsu d-doppju tal-Ministru li jaqgħu taħtu bl-għan li jħallu l-prattika privata.

Meta kien qed jitkellem f’attività politika fi Pjazza San Ġorġ, il-Prim Ministru Robert Abela akkuża lill-PN b’politika ta’ żmien l-assedju fejn jeżistu liġijiet għall-allat u oħra għall-annimali.

Abela attakka lill-PN li qed ikisser kandidat prospettiv biex jimla s-siġġu battal ta’ Frederick Azzopardi. Hu qal li dak li qed jiġri lil Ryan Mercieca ma sarx mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u deputat Nazzjonalista prominenti. Huwa qal li filwaqt li Mercieca qed jiġi investigat talli żamm għandu flus mhux tiegħu, Grech ma raddx lura l-VAT u l-PN ippremjah billi għamlu Kap tal-Partit.

Abela imbagħad dawwar l-akkużi tiegħu lejn Jason Azzopardi, li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, u qal li dan qed jipprova jġib il-Qrati għarkupptejhom filwaqt li qed jipprova jimmina l-ħidma tal-pulizija f’operazzjoni delikata.

Huwa qal li Azzopardi baqa’ għaddej bil-kawża fil-Qrati Ewropej minkejja li l-Gvern wettaq it-tibdiliet meħtieġa dwar l-għażla tal-ġudikatura. Dan jista’ jwassal għal kollass tal-qrati tal-ġustizzja. Huwa qal li li attakki qed isiru mhux biss biex inessu lin-nies il-baġit, iżda biex jintesa d-diskors tal-Kap tal-PN, li skont Abela kien riċiklat għaliex Grech reġa’ tenna l-kritika ta’ Busuttil li d-diskors tal-baġit kien ‘copy u paste’ minn ta’ qablu.

Abela qal li l-ekonomija qed tirreaġixxi tajjeb għall-inċentivi tal-Gvern. Skont il-EuroStat f’dan l-aħħar xahar Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro u l-qgħad kompla niżel anke f’Ottubru.