Filmat: “Aktar vawċers fil-baġit t’għada” – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies

Posted by Partit Laburista on Sunday, October 18, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li fil-baġit t’għada se joħorġu aktar vawċers għall-Maltin u l-Għawdxin.

Dan qalu waqt l-attività saret fil-Pjazza tas-Sur fl-Imdina. Flimkien mal-PM, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli.

Lejlet il-baġit għas-sena li ġejja, il-Prim Ministru qal li l-enfasi ta’ dan il-baġit r-ruħ soċjali, il-prinċipji soċjalisti billi jwieżen lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, bħall-pensjonanti. Stqarr li dan il-baġit ifassal il-pedamenti ta’ fejn naraw lil Malta għall-10 snin li ġejjin imma jilqa’ għall-pandemija wkoll.

Ħabbar li l-miżuri li jmorru fil-but tan-nies is-soltu jiswew €35 miljun, iżda din id-darba huma tliet darbiet aktar għax jiswew €100 miljun. Skont Abela, dan hu “baġit ta’ tama u serħan il-moħħ.”

Ix-xahar li għadda l-PM kien qal li l-Gvern mhux kommess li jerġa’ joħriġ il-vawċers fil-baġit.

“Irreżistejna l-eluf ta’ mwiet imbassrin bil-Covid-19”

Il-Prim Ministru qal li fil-bidu tal-pandemija kien imbassar li se jmutu l-eluf bil-coronavirus, mentri dak it-tbassir ġie reżistit. Abela qal li Malta se jkollha ċertifikat tajjeb ħafna ta’ kif mexxa l-Gvern tul il-pandemija. Sejjaħ suċċess il-fatt li tnaqqset ir-rata tal-qgħad waqt il-pandemija.

Tenna li ħadd m’għandu l-bakketta maġika biex tissolva din il-kriżi, imma fil-fehma tiegħu l-bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa tan-nies qed jintlaħaq. Qal ukoll li dan mhuwiex il-mument li jiġu skurjati gowls politiċi. Skontu, il-miżuri li tħabbru din il-ġimgħa juru li dan huwa l-mument li nieħdu ħsieb xulxin.

“Meta jitlesta s-Central Link ikun hemm aktar ħdura minn meta beda” – Il-Ministru Borg

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg wieġeb xi mistoqsijiet fuq il-proġett tas-Central Link, u qal li ladarba jitlesta dan il-proġett li qajjem kontroversja, se jkun hemm aktar ħdura u siġar minn meta nbeda.

Stqarr li s-sodisfazzjon tiegħu huwa meta xi nies qegħdin jgħidulu li diġà qed jaraw l-effiċjenza ta’ dal-proġett minkejja li għadu ma tlestiex.

Ħabbar li llum se jinfetħu tliet flyovers oħra fil-proġett tal-Marsa junction, u fil-jiem li ġejjin se jinfetħu s-seba’ flyovers kollha u l-mini ta’ Santa Luċija. Il-Ministru stqarr li meta l-esperti tal-Gvern iddiskutew dawn il-proġetti miegħu, huwa kien dak li ppropona li jsiru kollha f’daqqa.

Ikkwota lill-eks Prim Ministru Duminku Mintoff li qal li “għall-ġid tal-pajjiż u l-poplu tagħna lest nirfes il-kallijiet kollha li jkun hemm bżonn” u qal li hu jaddotta dan il-prinċipju “validu” meta jkun irid jieħu d-deċiżjonijiet. L-istess għamel għal dan il-proġett li ilu madwar 60 sena, sabiex it-traffiku jgħaddi mit-tarf tal-komunità u mhux minn fejn joqogħdu n-nies.