Filmat: “Il-Kunsilli Lokali qatt ma kienu l-favoriti tiegħi”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien skjett ħafna meta tkellem dwar il-Kunsilli Lokali b’dikjarazzjoni ċara li dawn qatt ma kienu l-favoriti tiegħu.

Fi Triq is-Swatar fl-Imsida, il-Prim Ministru indirizza waħda mill-attivitajiet li l-Partit Laburista qed jorganizza bħala parti mill-Konferenza Ġenerali Annwali. Huwa fisser kif ir-riforma fil-Kunsilli Lokali mmexxija minn Silvio Parnis se tkun pożittiva għaliex qal li Gvern Laburista sab li l-Kunsilli kienu qiegħdin jitmermru. Spjega li din ir-riforma mistennija tagħti dimensjoni ġdida biex il-Kunsilli Lokali jirnexxu aktar mill-Gvern Ċentrali.

Huwa reġa’ fakkar kif il-Partit Laburista, nhar il-Ħadd li ġej se jkun qed iniedi manifest ġenerali b’viżjoni għal-lokalitajiet u 68 manifest partikolari għal-lokalitajiet differenti.

Fisser kif sa issa, il-Kunsilli ħadmu bi ftit għodod u irnexxew iżda saħaq li se jkun hemm il-Gvern li se jsaħħaħ aktar il-Kunsilli Lokali b’aktar riżorsi.

“Mhux sodisfatt bl-indafa f’Malta”

Il-Prim Ministru qal li hemm elf raġuni għaliex l-indafa mhix sodisfaċenti iżda qal li l-ebda minn dawn ir-raġunijiet m’għandha titqies bħala skuża biex ikolna ndafa batuta.

Qal li ċ-ċittadini għandhom jgħinu lill-awtoritajiet biex jaraw li l-indafa titjieb. Qal li hawn familji li qed jaderixxu mar-regoli u jisseparaw l-iskart b’mod tajjeb iżda qal li wasal iż-żmien għad-dixxiplina kontra min ma jżommx ma’ dawn ir-regoli tal-immaniġjar tal-iskart.

“Is-surplus issarraf fiċ-ċekkijiet”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-surplus li għamlet Malta qed jissarraf fiċ-ċekkijiet li waslu fid-djar tan-nies.

Huwa fisser kif bis-surplus, “minn pajjiż li kien jitlef il-flus, il-Gvern Laburista biddel ir-rotta u issa Malta qed taqla’ aktar flus milli toħroġ”. Spjega wkoll li bis-surplus qed jissewwew l-iżbalji li saru minn ħaddieħor fil-passat.

“Malta reġgħet għamlet surplus”

Il-Prim Ministru stqarr ukoll li Malta reġgħet għamlet surplus. Qal li “fl-imgħoddi konna nitkellmu fuq x’se joħodlok il-Gvern u issa wasal iż-żmien li l-Maltin jitkellmu fuq x’se jagħtik il-Gvern”.

Il-Prim Ministru qal li huwa kommess li jasal għal soluzzjonijiet iżda wissa’ li l-ekonomija trid tkompli tikber biex Malta tibqa’ tagħmel surplus li jista’ jitqassam lil kulħadd. Hawnhekk fakkar fiċ-ċekkijiet li waslu fid-djar tal-ħaddiema u anki f’ċekkijiet oħra kif ukoll f’inizjattivi oħra bħal dawk taċ-childcare u tal-vannijiet b’xejn għat-tfal tal-iskola.

Il-Prim Ministru qal li daħlet fis-seħħ inizjattiva li tindirizza anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Spjega li dan qed isir mill-ġdid b’sejħiet għall-applikazzjonijiet mingħand tliet kategoriji ta’ persuni jew l-eredi tagħhom. Dawn huma l-eks ħaddiema tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, l-eks ħaddiema tax-xatt u uffiċjali tal-pulizija.

Qal li fiż-żmien li kien Membru tal-Parlament Ewropew kien tkellem favur il-konsumatur Malti biex jirċievi lura t-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Qal li f’seba’ snin traddew lura dawn il-flus lill-konsumaturi Maltin.