Filmat: Il-Prim Ministru bi sfida għal Delia

Il-Prim Ministru llejla jindirizza l-Kamra tar-Rappreżentanti, f'dak li suppost se jkun id-diskors b'reazzjoni għall-baġit għas-sena d-dieħla li tħabbar fid-9 ta' Ottubru. 

19:58 Delia jispjega li l-vot kontra l-mozzjoni huwa minħabba l-assassinju barbaru li seħħ f'Malta, dwar il-Baġit li qal li hemm qbil li bħal issa sar irrelevanti, dwar in-nuqqas ta' responsabilità politika tal-Prim Ministru u kontra t-tnawwir tal-istituzzjonijiet. 
19:54
Il-Prim Ministru jgħid li hu u sħabu qegħdin hemm biex iservu
19:50 Muscat jiftaħar dwar kif naqas il-faqar, dwar il-libertajiet ċivili u li n-nisa jkollhom rwol aktar attiv
19:49 Il-Prim Ministru jispjega li għandu qalbu sewda imma jinsab mimli kuraġġ
19:48 Qal li ma ħassx li kien il-ħin jew il-waqt biex jitkellem dwar il-Baġit illum
19:47 Ikompli jgħid li qatt ma tefa valenu lejn pajjiżu
19:45 Muscat jisħaq li jaf li lbieraħ mhux hu tkellem Delia peress li kien ostaġġ tas-sitwazzjoni
19:45 "Aħna lesti li nahdmu għall-għaqda nazzjonali mingħajr kundizzjonijiet" – Muscat
19:41 Jgħid li l-aħħar theddid li rċeviet kien ġej minn dawk qrib il-Kap tal-Oppożizzjoni u jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni x'għamel hu biex iwaqqaf lil dawn in-nies
19:38 Dr Muscat jisħaq li Malta hija ferm aħjar minn dak li ġara nhar it-Tnejn
19:37 Muscat jgħid li Delia m'għandux triq oħra ħlief li jitlob investigazzjoni maġisterjali fl-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu, u li dan għandu jirriżenja jekk jinstab li huma veri
19:31 Dwar il-libelli, jgħid li qatt mhu se nkunu nafu x'kienet taf dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia peress li dan waqqa' dawn il-kawżi
19:29 Biex iwaqqaf interuzzjoni, l-Ispiker jgħid li d-Deputati għandhom ikomplu bis-seduta bil-kalma u bis-serenità
19:27 Il-PM qal li qatt ma attakka lil Daphne Caruana Galizia b'mod isteriku
19:26 Il-PM ikompli jgħid li Caruana Galizia biddlet l-istil ta' ħajja tiegħu
19:24 Muscat jallega li l-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia ġieli kitbet artikli bbażati fuq għajdut
19:22 Muscat jgħid li Daphne Caruana Galizia kellha pinna taqta daqs xafra
19:19 Jgħid li hemm resolve sħiħ biex dan il-każ jiġi solvut. Jgħid li kull min għandu xi informazzjoni jmur għand il-Maġistrat tal-każ
19:17 Jiddikjara formalment l-impenn tal-Gvern li joffri reward sostanzjali, bla preċedent, u joffri wkoll lil min jersaq il-quddiem b'informazzjoni salvagwardji kollha tal-liġi
19:15 Muscat jilqa' t-talba għall-investigazzjoni internazzjonali tal-Partit Popolari Ewropew
19:14 Dr Muscat ikompli jgħid li l-FBI għandhom l-apparat biex jaraw eżatt min kien f'żona enormi bejn repeater u ieħor
19:13 Il-Prim Ministru jisħaq li dawn huwa każ bla preċedent
19:09 Muscat saħaq li jistenna aħjar mill-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni
19:06 Qal li fl-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż li kull min huwa interessat jista' japplika biex isir Ġudikant
19:05 Joseph Muscat jiddikjara li għandu fiduċja fil-membri tal-Ġudikatura kollha
19:04 "Qed insemmi dan kollu biex nitfa' l-kuntest u biex nuri r-reazzjoni kif għandha tkun" – Joseph Muscat
19:03 Muscat iqabbel is-sitwazzjoni tal-lum bħal dik fl-2006 meta nħaraq il-bieb ta' Saviour Balzan, fl-2000 meta saret bomba mad-dar ta' editur tal-Orizzont, u fl-2010 fejn saret bomba mat-Trasport Malta
19:02 Muscat: Se nkompli alavolja ħaddieħor jaħseb li d-demokrazija tfisser li jfisser lilu nnifsu
19:01 Godfrey Farrugia jinterrompi s-seduta u jwaqqfu l-Ispiker
18:59 Iżid jgħid il-Forzi Armati ta' Malta huma fost l-aqwa
18:58 Muscat ikompli jgħid li l-Pulizija qed jagħmlu xogħolhom 
18:57 "Attak bla preċedent fuq il-Korp tal-Pulizija" – Joseph Muscat
18:55 Muscat jispjega kif il-mezzi tax-xandir f'Malta saru skajvi tar-reklami u interessi kummerċjali
18:53 Il-valur tal-libertà tal-espressjoni qed jiġi diskuss kullimkien bħal issa – Joseph Muscat
18:51 "Dak li qed ngħidu llum jista jkun qalba fl-istorja" – Joseph Muscat
18:47 L-Ispeaker jerġa' jsikket is-sedja u jwissi li jista' jagħti sanzjoni. 
18:46 Qal li t-target ewlieni tal-assassinju li sar kien il-valur tal-libertà tal-espressjoni.
18:45 Membri tal-Oppożizzjoni jikkummentaw u jitwaqqfu mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
18:44 Stqarr li jiddispjaċih bid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni ghax fi kliemu iktar fired milli għaqqad
18:43 Dr Muscat qal li l-pajjiż kollu hu rrabbjat u xxokkjat dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li dan hu mument ta’ luttu nazzjonali.
18:40  "X’ironija", qal Dr Muscat, "li f’mument fejn xtaq jitkellem dwar l-ewwel darba li l-pajjiż għamel surplus, ma jistax jitkellem fuq hekk.
18:38 Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li llum xtaq imur fil-Parlament jitkellem dwar is-suċċessi tal-pajjiż. Qal li xtaq li jmur ikellem lill-familji u n-negozji kif il-Gvern ħoloq ekonomija b’saħħitha bla preċedent. 
Ritratt: DOI – Kevin Abela