Filmat: Kwarantina obbligatorja għal kull min se jiġi mis-safar mil-lum

Aġġornat 10:11 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mil-lum, kull min jiġi lura mis-safar, minn kwalunkwe pajjiż, huwa mitlub jagħmel kwarantina obbligatorja.

Propju dalgħodu, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Prof Charmaine Gauci, qalet li fl-aħħar sigħat irriżulta li hemm tliet każijiet oħra ta’ coronavirus f’Malta: żewġt irġiel u mara, li kollha jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba. B’hekk s’issa hawn 12-il każ f’Malta.

X’kienu l-punti ewlenin?

  • Kull persuna li se tasal Malta mis-safar qed tintalab tagħmel kwarantina mandatorja.
  • Se jkompli jsir infurzar fuq il-multa ta’ €1,000 għal kull jum li fih jinkisru r-regoli tal-kwarantina mandatorja.
  • Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se jkun hemm screening fiċ-Ċirkewwa.
  • F’Malta nistgħu naslu għal bżonn ta’ lock down iżda għadu mhux il-każ – Fearne.
  • S’issa ħadd għadu ma nqabad jikser il-kwarantina mandatorja.

Il-Prim Ministru sostna li wara r-riżultat tal-lum, li mara diġà rriżultat li fieqet mill-coronavirus, juri li l-pajjiż jinsab taħt kontroll. Qal li l-każijiet kollha, li bħalissa hemm 12, huma kollha f’saħħithom.

Qal li se titħabbar miżura oħra biex tiġi protetta s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Qal li l-kwarantina obbligatorja se jestendi għal dawk kollha li ġejjin Malta minn kwalunkwe pajjiż ġej. Kull min ġej Malta minn kwalunkwe pajjiż se jkollu jagħmel kwarantina mandatorja. Dan ifisser li kull min se jinqabad jikser din il-kwarantina, se jeħel multa ta’ €1,000 għal kuljum.

Hu qal li hu infurmat li kien hemm numru ta’ persuni li kienu laxki fl-osservanza tar-regoli. Qal li f’każ ta’ barranin, jekk dawn jinqabdu li kisru l-kwarantina mandatorja, se jkunu qed jitilfu l-permess tagħhom tax-xogħol u jkunu suġġetti għal deportazzjoni.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar is-servizz tat-21411411 għal persuni li jinsabu fi kwarantina mandatorja. Min iċempel fuq dan in-numru u jkun fi kwarantina mandatorja, jista’ jitlob l-għajnuna fejn jidħol ksib ta’ ikel u mediċini.

Fearne qal ukoll li se jkun hemm online consultation, ħalli l-pubbliku jkun jista’ jaċċessa s-servizzi online minflok imur fiċ-ċentri tas-saħħa.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se jkun hemm screening fiċ-Ċirkewwa.

Il-ġurnalisti jistaqsu…

Il-Prim Ministru ġie mistoqsi kif il-persuni li qed jaslu lura Malta qed imorru lura d-dar u jekk l-istat hux qed joffri trasport hu. Abela sostna li ma hemmx trasport iffinanzjat mill-istat iżda kulħadd huwa mistenni jaħseb għal rasu biex jasal lura d-dar. Intant, Fearne qal li jekk xi ħadd jinstab li għandu l-coronavirus malli jasal dan jittieħed b’ambulanza fil-containment units.

Mistoqsi għaliex it-titjiriet ma ngħalqux minn pajjiżi kollha Ewropej, inkluż l-Ingilterra, il-Prim Ministru qal li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji. Qal li sa issa ma kienx hemm bżonn li jingħalqu t-titjiriet għal pajjiżi oħrajn.

Hu u jitkellem dwar is-supermarkets, il-Prim Ministru appella li ma hemm l-ebda bżonn biex il-pubbliku jmur jistokkja l-ikel. Sostna li stock ta’ ikel hawn, kien hawn u se jibqa’ jkun hawn. Qal li fl-istess waqt qed jiddiskutu miżuri biex in-numru ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu f’supermarkets f’ċertu ħinijiet jitqassmu. Qal li l-miżura biex jingħalqu l-iskejjel saret biex ma jkollokx numru ta’ tfal fl-istess kmamar, qal għalhekk importanti li kulħadd jaħsibha darbtejn.

Mistoqsijin dwar jekk hemmx diskussjonijiet dwar lockdown fil-pajjiż, Fearne qal li l-miżuri qed jittieħdu pass pass u li ma jkunux drastiċi u eżaġerati. Qal iżda li jista’ jkun hemm każ ta’ lockdown, iżda għalissa, għad ma hemmx bżonn għal dan. Qal li f’Malta għad m’hawnx trażmissjoni inkwetanti f’Malta li tista’ twassal għal lockdown.

Mistoqsi għall-għadd ta’ persuni li jinsabu fi kwarantina mandatorja u l-għadd ta’ persuni li daħlu f’Malta minn pajjiżi li għandhom riskju għoli tal-coronavirus, għal darboħra, Fearne qal li m’għandux f’idejh in-numri eżatti.

Mistoqsi dwar jekk sa issa inqabdux persuni li kienu qed jiksru l-kwarantina u jekk dawn weħlux multa minħabba dan, Fearne wieġeb li sa issa ħadd għadu ma nqabad b’dan il-mod.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn