Filmat: “Nemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassijiet” – Il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li jemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassijiet, iżda jemmen ukoll li l-ġenituri għandhom jingħataw għażla sabiex jekk jixtiequ, lil uliedhom ma jibagħtuhomx l-iskola minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel kien wieħed mill-punti ewlenin diskussi mill-PM f’intervista li saritlu dalgħodu mill-preżentatur Peppi Azzopardi.

Billi tul il-ġimgħa li għaddiet, kien hawn tħassib kbir fost l-edukaturi u l-ġenituri dwar il-qabża fil-każijiet tal-coronavirus peress li l-iskejjel għandhom jiftħu fit-28 ta’ Settembru, Peppi Azzopardi staqsa lill-PM dwar dan. Abela qal li huwa ma jridx jara lil ġenerazzjoni titlef sena ta’ żvilupp edukattiv minħabba l-pandemija. Sostna li n-nies iridu jaddattaw u jitgħallmu jgħixu b’dan il-virus li jaf idum magħna xhur oħra, jekk mhux snin.

Bħala ġenitur, hu u martu Lydia Abela ddeċidew li lil binthom jibagħtuha l-iskola għaliex jemmnu li t-tfal għandhom ikunu preżenti fil-klassi ladarba jkun hemm protokolli fis-seħħ biex iħarsu saħħet it-tfal u l-edukaturi. Abela sostna li dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm infezzjonijiet, imma jemmen fil-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Mistoqsi wkoll fuq il-vaċċin tal-coronavirus, Abela qal li m’għandux ikun bilfors la dan jinstab, imma jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jassiguraw li l-vaċċin ikun sigur, huwa beħsiebu jieħdu.

“Malta hija full up”

Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, Abela tenna l-pożizzjoni tiegħu li Malta hi mimlija, “full up,” ma tiflaħx tieħu aktar immigranti. Sostna li dan hu l-punt ewlieni f’din il-kwistjoni.

Peppi Azzopardi, li hu voċiferu ħafna fuq dan is-suġġett, staqsa lill-PM jistax jaċċertah li mhux se jintbagħtu aktar immigranti lura lejn il-Libja meta dawn ikunu ħarbu minn hemm. Abela wieġeb li kulma jista’ jwiegħed hu li hu se jagħmel minn kollox biex il-wasliet tal-immigranti f’Malta jonqsu. Insista li “bħala pajjiż għamilna dak kollu li stajna biex insalvaw il-ħajjiet.” Skontu, is-soluzzjoni għal din il-problema hija fix-xtut Libjani sabiex l-immigranti ma jitilqux mil-Libja l-ewwel u qabel kollox. Qal, iżda, li Malta ma tistax tagħmel aktar milli qed tagħmel.

Malta kritikata internazzjonalment fuq l-immigrazzjoni
Amnesty International takkuża lil Malta b’tattiċi illegali fuq l-immigranti

“Rajt serenità fil-priġunieri”

Suġġett ieħor li qanqal diskussjoni f’dawn l-aħħar ġimgħat huwa l-ħabs u l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom il-priġunieri, partikolarment għaliex f’dawn l-aħħar xhur kien hemm għadd ta’ mwiet fil-ħabs. Fl-aħħar sentejn mietu 10 persuni b’kollox fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Madankollu, meta l-intervistatur beda jgħid lill-Prim Ministru kemm hemm sitwazzjoni kerha fil-ħabs, fejn il-priġunieri qed “jiġu mgħallmin jibżgħu,” Abela qal li meta żar il-ħabs hu fl-aħħar ġimgħat ra serenità fil-priġunieri.

Huwa saħaq li sar progress fil-ħabs, li issa huwa aktar nadif, li r-riforma fost il-priġunieri qiegħda ssir, li d-droga u l-vjolenza ġol-ħabs inqatgħu għax hemm policy li jitnaqqsu l-privileġġi, pereżempju li jaraw it-televixin jekk jinqabdu bid-droga jew jaġixxu b’mod vjolenti ma’ xulxin, mal-gwardjani jew fuqhom infushom. Fil-fehma tal-Prim Ministru, fadal x’wieħed jirriforma fil-ħabs “imma sar progress kbir.”

Prof. Andrew Azzopardi dwar x’inhu jiġri fil-ħabs
Filmat: “Mietu fil-ħabs u ma nafux x’ġara” – il-Prof. Azzopardi

“Is-seduti tal-inkjesta pubblika għandhom isiru kuljum jekk hemm bżonn”

Il-PM u Mexxej tal-PL qal li s-seduti tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom isiru kuljum jekk hemm bżonn. Huwa insista li dan l-episodju għandu jingħalaq.

Dan l-aħħar il-PM ġie kritikat għaliex hu ta ċans sal-15 ta’ Diċembru biex tintemm l-inkjesta pubblika li għandha l-għan tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u kif aġixxa l-Istat wara l-qtil. Huwa saħansitra ġie kkritikat minn Pieter Omtzigt, ir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq dan l-assassinju, li insista li l-PM jew il-Gvern m’għandhomx jindaħlu f’din l-inkjesta indipendenti.

Min-naħa tiegħu, Abela qal li r-rimunerazzjoni li qed tingħata lit-tliet imħallfin li jiffurmaw il-Bord tal-Inkjesta mhix ftit, u għalhekk, issuġġerixxa li l-Bord jiltaqa’ aktar ta’ sikwit minn darbtejn fil-ġimgħa għal ftit sigħat. Dan diġà qalu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield din il-ġimgħa.

Abela sostna li hu mhux se jindaħal fl-andament tal-inkjesta.