Filmat: Il-President tħeġġeġ mill-ġdid għar-riforma kostituzzjonali

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet għadd ta' nisa li nhar il-Ħamis inġabru quddiem Kastilja għall-protesta paċifika #occupyjustice.

Dawn qed jikkampjaw quddiem Kastilja u għandhom hemm sa għada l-Ħadd.
F'diskors il-President qalet li fl-aħħar jiem kellha diversi laqgħat mal-mexxejja politiċi u diversi għaqdiet biex tħeġġiġhom jingħaqdu f'dan iż-żmien.
Qalet li d-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ biex il-Parlament jiddiskuti l-mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni hija pass favur l-għaqda.
Fakkret li r-riforma kostituzzjonali kienet fil-manifesti elettorali tal-partiti politiċi u għalhekk ħeġġet lill-mexxejja parlamentari biex jibdew jaħdmu favur dan u biex din isseħħ.
Il-President għamlet ukoll referenza għall-kummenti ta' Tony Zarb li ddeskriva lil dawn in-nisa bħala "prostituti."
Coleiro Preca qalet li taf ħafna lil Tony Zarb u li ċerta li dawn kienu kummenti tas-saħna tal-mument iżda saħqet li dan ma jiġġustifika qatt il-kummenti tiegħu.
"Dan hu l-mument li nsaħħu d-demokrazija tagħna," qalet il-President.
Il-President fakkret fi stħarriġ li kien sar u li fih irriżulta li l-maġġoranza tal-poplu ma għandux idea dwar l-importanza tal-istituzzjonijiet f'demokrazijia.
Saħqet li għandu jkun hemm iżjed edukazzjoni għax fi kliemha din hija importanti għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
"Dan hu l-mument li nsaħħu d-demokrazija tagħna," qalet il-President.
Wara l-assassinju ta' Dapne Caruana Galizia, dawn in-nisa ngħaqdu mas-Soċjetà Ċivili u qed jitolbu r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Fi kliemhom, dawn it-tnejn qed jibżgħu jaġixxu fejn hemm bżonn.