Filmat: “Malta jixirqilha aħjar” – il-President

Read in English.

Il-President George Vella qal li Malta jixirqilha aħjar. Dan qalu waqt li kien qed jindirizza lin-nazzjon fuq l-istazzjon nazzjonali TVM illum. Hu kien qed jitkellem qalb xenarju kemmxejn inkwetanti għall-pajjiż u l-integrità tiegħu.

Fl-indirizz qasir tiegħu Vella qal li qed jagħmel dak kollu li titlob minnu l-kostituzzjoni. Bil-kontra ta’ kif sar għad-diskors tal-Prim Ministru fuq it-TVM ma ndaqx l-innu Malti qabel u wara li tkellem il-President Vella.

“Kull jum li jgħaddi, qiegħda tikber l-istennija minni biex inkun strument biex jiġi evitat l-agħar li jista’ jiżviluppa jekk is-sitwazzjoni li għandna f’pajjiżna bħalissa tkompli tiggrava.”

Hekk beda d-diskors tiegħu Vella li spejga li diġà ħareġ stqarrija li fiha spjega x’inhuma l-parametri li tħallih jaħdem fihom il-Kostituzzjoni.

Vella appella biex kulħadd “mill-kbir saż-żgħir, iqis bis-serjetà fejn jista’ jwassal għemilu.”

“Dan l-inkwiet dwar is-sitwazzjoni preżenti ġie mwassal lili llum b’mod qawwi u b’enfasi partikolari mill-imsieħba kollha tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li jirrappreżenta firxa wiesgħa u kbira tas-soċjetà Maltija.”

Il-President appella għall-kalma u biex kulħadd ikun konxju tar-responsabbilitajiet li jġorr.

“Nappella biex f’ambjent iktar kalm u ’l bogħod minn reazzjonijiet spontanji, ngħarblu ċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom u ningħaqdu biex flimkien – bla ma nħarsu lejn wiċċ ħadd – naraw li nħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom u li sseħħ il-ġustizzja.”

“B’hekk biss nistgħu nibdew it-triq biex bil-mod il-mod nerġgħu għan-normalità, u dan qabel ma l-ħsara li qed issir lil pajjiżna f’tant oqsma, inklużi dawk internazzjonali, issir waħda irreparabbli.”

ll-protesti ilhom għaddejjin għal 12-il jum, bl-għajta komuni tkun dik tar-riżenja ta’ dawk kollha fil-poter li qed jiġi allegat li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Propju l-Ħadd li għadda, kien il-Prim Ministru Joseph Muscat inniffsu li indirizza lin-nazzjon permezz tat-televiżjoni fejn ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Jannar li ġej.

Bħalissa f’Malta hawn delegazzjoni ta’ MEPs li qed janalizzaw is-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż. Fost l-oħrajn dawn kellhom laqgħa mal-President inniffsu.