Filmat: “Il-prostituzzjoni mhux bħal kwalunkwe xogħol ieħor” – Il-President Emeritu

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca wriet tħassib kbir fuq id-direzzjoni li donnha qed tieħu Malta fuq il-prostituzzjoni. Għalkemm mhux sikwit issemma’ leħinha, il-President qalet li l-prostituzzjoni hija sfruttament tan-nies vulnerabbli minn dawk li għandhom qagħda aħjar fis-soċjetà. “Mhuwiex xogħol kwalunkwe, bħal kull xogħol ieħor,” qalet Coleiro Preca b’ton urtat.

Dan qalitu meta kienet intervistata fuq il-programm What’s On Newsbook fuq 103 Malta’s Heart.

Il-President Emeritu, li għandha sfond fil-policy soċjali, qalet li bdiet titħasseb fuq dan is-suġġett meta nnutat li l-kumitat appuntat biex imexxi r-riforma fil-prostituzzjoni ma inkluda l-ebda espert fil-qasam. Dan, skontha, huwa indikattiv tal-mod kif qed titmexxa r-riforma. Spjegat li dawn in-nies huma vulnerabbli li jidħlu fix-xogħol mhux għax iridu, imma għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor.

Dawk li jfittxu l-prostituzzjoni għandhom ikunu kriminalizzati

Coleiro Preca qalet li d-diskussjonijiet kienu ffukati fuq il-mudell Nordiku, li jippenalizza, jikkriminalizza, lil dawk li jfittxu s-servizzi tal-prostituzzjoni, u mhux lill-prostituti nfushom.

Semmiet kif il-pajjiżi li addottaw dan il-mudell, raw tnaqqis drastiku fil-prostituzzjoni. Qalet li li tilliberalizza lil dawk li jmorru għand il-prostituti mingħajr ma tikkriminalizzahom se tkompli tgħin fit-traffikar tal-bnedmin.

Hija ġabet eżempju bil-mod kif Malta fetħet il-bibien tagħha għall-ħaddiema barranin billi ħafna spiċċaw sfruttati. Qalet li dan hu dak li se jiġri jekk ma jiġix kriminalizzat min ifittex li jħallas għas-sess.

Il-Koalizzjoni tal-Prostituzzjoni ma taqbilx mal-kummenti tal-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika

Intant, il-Koalizzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Prostituzzjoni rreaġixxiet għall-kummenti li għaddiet il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri fuq il-prostituzzjoni.

Il-Kummissarju, f’kummenti lil The Malta Independent, qalet li Malta għandha biżżejjed esperti biex toħloq il-mudell uniku tagħha. Qalet li ma temminx li jeżistu żewġ mudelli biss, dak Nordiku u dak ta’ kriminalizzazzjoni sħiħa. Hija wriet il-fehma li f’Malta nistgħu noħorġu b’mudell uniku għall-kuntest Malti.

F’Ottubru li għadda, il-koalizzjoni għamlet il-proposti tagħha fuq ir-riforma tal-prostituzzjoni, bħalma qalet il-President Emeritu, li hi parti mill-koalizzjoni, biex min ifittex is-servizzi tal-prostituti jiġi kriminalizzat, skont il-mudell Nordiku.

Fir-reazzjoni tagħha, il-koalizzjoni staqsiet eżattament x’inhi tipproponi Friggieri. Talbitha tgħid min huma l-esperti li semmiet u l-esperjenza li għandhom fil-qasam. Ħeġġewha biex jekk għandha statistika fuqiex qed tibbaża l-kummenti tagħha, tippreżentaha.

Żiedu jgħidu li l-istigma fejn tidħol il-prostituzzjoni ma naqsitx, u li l-prostituzzjoni u l-vjolenza għandhom rabta qawwija bejniethom.