Read in English.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-maskri għandhom jkunu obbligatorji u jintlibsu minn kulħadd u kullimkien. Din kienet waħda mill-proposti tal-PN f’konferenza tal-aħbarijiet dwar it-turiżmu.
Fl-konferenza tkellem il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo fejn qal li l-għajnuna li ta l-Gvern għas-sajf mhix se tkun biżżejjed. Huwa spjega l-proposti tal-pN u elenkahom f’lista:
- Għal xahrejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom ikunu bla ħlas, kemm għar-residenzi kif ukoll għan-negozji. Dan filwaqt li preferibilment għat-tnax-il xahar li ġejjin il-kontijiet ikollhom roħs ta’ 50%.
- Id-data tal-għeluq tal-vouchers ta’ €100 ikunu estiżi minn Settembru sal-aħħar tas-sena. Dan filwaqt li x-xirjiet mill-ħwienet tal-merċa għandhom ikunu nklużi wkoll ma’ dawn il-vawċers.
- It-€800 sussidju li ngħata mill-Gvern għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Marzu 2021.
- Kull ħaddiem mal-Gvern fuq bażi ta’ persons of trust jew positions of trust għandhom jaċċettaw tnaqqis fil-paga, mingħajr perks u jagħtu s-somma li tkun twarbet lill-food banks.
- Hemm bżonn li jiġu żgurati wkoll il-kuntratti preżenti u futuri mal-linji tal-ajru u mat-tour operators barranin li jinsabu fiż-żona l-ħadra.
- L-Air Malta trid tiġi re-adattata hekk kif pajjiżna qed iħabbat wiċċu mat-tieni mewġa tal-pandemija tal-Covid-19.
- Estensjoni tal-moratorji tal-banek sal-31 ta’ Marzu 2021.
- Ir-rati tal-interessi li huma fuq bażi ta’ 0%, lokalment għandhom jinżammu fuq bażi ta’ 1.75%.
- It-taxxa posposta mħabbra mill-Gvern għandha tiġi mnaqqsa b’50%.
- Ir-rata tal-VAT għandha tiġi mraħħsa sa massimu ta’ 5% fuq il-firxa kollha.
- Ir-rata tal-VAT fl-industrija tal-akkomodazzjoni fl-istaġun tax-xitwa tinżel għal 0%.
- Għandu jiġi introdott passaport tas-saħħa.
- Kull min jiġi f’pajjiżna kemm mill-ajruport kif ukoll mill-portijiet tagħna għandhom jiġu screened.
- Il-maskri għandhom jkunu obbligatorji u jintlibsu minn kulħadd u kullimkien.
Fil-konferenza tkellmu wkoll Samuel Azzopardi, Jerome Caruana Cilia u Ivan Bartoli.
Il-PN appella biex il-Gvern iraħħas ir-rata ta’ interessi għall-qasam tat-turiżmu. Il-kelliema spjegaw li minn stħarriġ li sar mill-Kamra tal-SMEs qalu li l-aktar ħaġa li qed tinkwetahom hija l-ħlas tal-kera. Intqal li kważi nofs il-parteċipanti fl-istħarriġ kienu qed jikru l-post għan-negozju tagħhom u terz minnhom iħallsu bejn €2,500 u €5,000 fix-xahar f’kirjiet.
