Filmat: L-eżamijiet għandhom jiġu posposti – PN

Konferenza tal-aħbarijiet

Irridu nneħħu l-inċertezza minn fuq l-istudenti. Jeħtieġ nieħdu s-saħħa u l-edukazzjoni ta’ uliedna b’serjetà. Konferenza tal-aħbarijiet.

Posted by Partit Nazzjonalista on Tuesday, 24 March 2020

L-eżamijiet tal-O u l-A-levels għandhom jiġu posposti, skont il-PN.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-MP tal-Partit Nazzjonalista (PN) Claudette Buttigieg qalet li jista’ jkun il-każ li l-istudenti jkollhom bżonn jiġu aċċettati b’mod temporanju fl-istituzzjoni edukattiva li jkun imiss.

Il-Partit Nazzjonalista indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-imxija tal-coronavirus f’Malta.

Il-MP tal-PN Ryan Callus tkellem dwar kif l-isport, l-obeżità, is-saħħa mentali qed jiġu affettwati minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Callus qal li l-klabbs sportivi qed iħossu d-daqqa tal-kriżi tal-virus. Qal ikoll li hemm coaches u plejers li ma jafux jekk humiex se jitħallsu. Skont Callus, il-Gvern għandu jestendi l-għajnuna li qed jagħti lin-negozji lill-qasam sportiv ukoll.

Callus qal li hemm sportivi li ma jistgħux jipprattikaw id-dixxiplini tagħhom għax ikollhom bżonn faċilitajiet apposta. Irringrazzja lil dawk li qed joffru lezzjonijiet tal-isport fuq il-midja soċjali.

Appella lin-nies biex jieklu prodotti Maltin friski.

Callus qal ukoll li wieħed għandu jibqa’ jikkomunika mal-anzjani u nies oħra li jħossuhom waħedhom bħalissa. Qal ukoll li hemm familja li qed jgħixu fi spazji zgħar li ma jgħinx f’mumenti bħal dawn.

Id-Deputat tal-PN Clyde Puli qal li l-għeluq tal-iskejjel kien ħaġa neċessarja. Puli qal li ġie żvelat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ma kellux pjan ta’ kontinġenza.

Puli qal li Malta qed taffaċċja għadd ta’ sfidi. Qal li wieħed irid jara kif se jiġi rkuprat il-ħin li ntilef għal dawk li qegħdin f’edukazzjoni obbligatorja. Hemm ukoll dawk li jridu jagħmlu l-eżamijiet tal-O u l-A-levels.

Puli qal li Malta trid tara li ttejjeb ir-riżorsi tagħha onlajn għall-istudenti u biex il-ġenituri jkunu jafu kif jistgħu jgħinu fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Spjega wkoll li hemm tfal li m’għandhomx aċċess għall-internet.

L-eżamijiet tal-MATSEC għandhom jiġu posposti minn bejn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat, skont għadd ta’ kunsilli tal-istudenti flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn