Filmat: Bżonn li s-settur tat-turiżmu jkun ippreparat għal normalità ġdida – Arrigo

Aġġornat 06:53 PM

Read in English.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo sostna li hemm bżonn li s-settur tat-turiżmu jerġa’ jirritorna lejn normalità ġdida. Hu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina. Is-suġġett ewlieni kien dak ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

Arrigo qal li s-settur tat-turiżmu jolqot madwar 50% tas-setturi ekonomiċi kollha tal-pajjiż u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm skeda ċara kif dan is-settur u dawk l-operaturi kollha li joffru servizzi anċillari u jiddependu mit-turiżmu se jkunu qegħdin joperaw. Huwa qal li l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jagħmel konferenza tal-aħbarijiet u jippretendi li s-settur jkun lest fi żmien ftit ġranet iżda minflok jeħtieġ li tkun stabbilita data minn qabel sabiex kulħadd ikun konfermi mal-liġijiet tas-saħħa pubblika.

Arrigo qal li l-pajjiżi li l-Ministru għat-Turiżmu qed issemmi bħala safe corridors jammontaw għal 8% biss tat-turiżmu tas-sena li għaddiet u l-Gvern għandu jara jekk l-operturi kollha humiex ippreparati, xi protokolli se jintużaw għas-settur tat-turiżmu u għas-setturi l-oħrajn sussidjarji u jassigura li t-titjiriet jistgħu jsiru f’sigurtà.

“Il-Gvern berbaq flus il-poplu fix-xejn”

Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami qal li filwaqt li s-settur tat-turiżmu għaddej minn din l-inċerezza l-Gvern kien berqaq flus tal-poplu fix-xejn – f’kampanja ta’ reklamar li ma ġabet xejn lura għat-turiżmu. Huwa spjega li ma kull investigazzjoni li ssir mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, li tiegħu huwa chairman, joħorġu iżjed skandli ta’ tberbiq ta’ miljuni ta’ flus tal-poplu. Hu tkellem dwar dak li sejjaħlu “l-aħħar skandlu”, jiġifieri dak li ħareġ minn kuntratt imbuttat mill-Ministeru tat-Turiżmu li permezz tiegħu l-Awtorità tat-Turiżmu ħallset xejn inqas minn €4.5 miljun lill-kumpanija VistaJet biex issir promozzjoni tal-pajjiż. Liema promozzjoni qatt ma saret.

Beppe Fenech Adami qal li llum jirriżulta illi abbażi ta’ kuntratt mimli żbalji mal-kumpanija VistaJet l-Awtorità tat Turiżmu ħallset €1.5 miljun kull sena fis snin 2016, 2017 u 2018 u ta’ dan t-turiżmu Malti ma ħa xejn lura.

Intant, Karol Aquilina qal li l-mod kif il-Gvern jonfoq il-flus hija wkoll kwistjoni ta’ governanza tajba u dan meta huwa fdat bil-fondi pubbliċi biex jużahom għall-ġid komuni. Hu insista li f’dan il-mument huwa essenzjali li l-Gvern juża l-fondi pubbliċi biex isalva n-negozju u l-industriji tal-pajjiż u biex jiżgura l-postijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema. Hu saħaq li huwa inaċċettabbli li dawk fdati bit-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi ma jkunux kapaċi jew saħansitra jirrifjutaw li jwieġbu dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi. Qal li l-każ tal-VistaJet huwa eżempju ċar ta’ abbuż minn fondi pubbliċi li għalih irid iwieġeb u jġorr ir-responsabbilità l-Gvern Laburista.