Filmat: Ħadd ma rritorna l-fondi pubbliċi wara r-rapport ta’ Hyzler – Aquilina

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina tkellem dwar ir-rapport dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi fuq paġni ta’ Facebook u midja soċjali mill-Ministri. Qal li l-Gvern mill-2013 ‘il quddiem għamel spiża ta’ €1.82 miljun f’reklamar fuq il-midja soċjali skont studju li għamel Lovin’ Malta. Hu sostna li s’issa ħadd ma rritorna dawn il-fondi pubbliċi.

Il-Partit Nazzjonalista kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport tal-Kummissarj għall-Istandards.

Aquilina spjega kif il-Kummissarju għall-Istandards għamel stħarriġ fuq diversi Ministri u posts fuq il-paġni tagħhom, fosthom filmat fuq il-paġna tal-Ministru Ian Borg, grafika li ntużat mill-Ministru Aaron Farrugia, u filmat ieħor fuq il-paġna tal-Ministru Silvio Schembri. Spjega kif f’dawn il-każijiet kollha kien hemm filmati u grafiċi saru permezz ta’ fondi pubbliċi u ttellgħu fuq il-paġni ta’ Facebook li mhumiex tal-Gvern.

Aquilina sostna li Hyzler sab li b’hekk kien hawn Ministri u Segretarji Parlamentari li qed jagħmlu użu skorret ta’ kontenut tal-Gvern biex jgħollu l-profil tagħhom personali.

Aquilina qal li ġimgħa wara li kien ippubblikat dan ir-rapport, l-ebda mill-Ministri għadhom ma kkummentaw u lanqas ma rritornaw il-fondi pubbliċi li użaw.

Min-naħa tagħha l-MP Therese Comodini Cachia qalet li Malta fl-indiċi tal-libertà tal-midja niżlet f’36 post. Tkellmet ukoll kif il-midja f’Malta nħatfet. Hi rreferiet għal numru ta’ rapporti differenti dwar il-ħelsien tal-midja. Hi sostniet li l-ġurnalismu f’Malta qed isofri minn tattiċi ta’ intimidazzjoni. Qalet li dan iwassal biex tinħoloq sitwazzjoni ostili li tkisser ir-raba pilastru tad-demokrazija.

Comodini Cachia qalet lil-assistenza finanzjarja lill-media houses għandha tingħata b’tali mod li verament tgħin lill-ġurnalisti, tkun trasparenti u ma twassalx għall-ħtif tal-messaġġ fuq il-midja. Qalet li hemm bżonn jibda djalogu sabiex jinstabu miżuri ta’ kif wieħed jista’ jipproteġi u jassistli lill-media houses.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Dwar il-pożizzjoni tal-PN jekk il-politiċi tal-Gvern ma jirritornawx il-flus pubbliċi, Aquilina qal li ladarba l-informazzjoni hija pubblika u maħruġa minn Kummissarju maqbul minn żewġ terzi tal-kamra tad-Deputati, mela l-Prim Ministru għandu jitlob li jitħallsu lura dawn il-flejjes.

Aquilina insista li hemm bżonn li ssir ġustizzja u b’hekk għandha ssir investigazzjoni mill-pulizija dwar dan.

Dwar Konrad Mizzi, Aquilina qal li dan huwa maħrub l-Ingilterra u ma jridx jiġi lura Malta, lanqas għas-seduti parlamentari.