Filmat: Għall-Gvern Steward Healthcare tiġi qabel il-poplu – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern qed jinsisti li jissalvagwardja l-interessi ta’ Steward Healthcare qabel dawk tal-poplu tiegħu stess. Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali fil-Ħamrun.

Il-Partit Nazzjonalista appella wjoll sabiex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar (NAO) jippubblika l-investigazzjoni tiegħu dwar il-ftehim iffirmat, liema investigazzjoni qal kien ilha għaddejja tliet snin.

Delia qal li meta l-PN staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiddikjara null il-ftehim tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals Global Healthcare, imbagħad lil Steward Healthcare, Abela ma riedx jagħeml dan. Delia qal li dan fl-istess waqt meta Robert Abela kien jipprovdi l-assistenza legali tiegħu lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex jitrasferixxi tliet sptarijiet pubbliċi lil kumpanija privata.

Fl-aħħar sitt snin, il-Gvern Malti ta aktar minn €300 miljun lil Vitals Global healthcare (VGH) u mbagħad lil Steward Healthcare li ngħatat konċessjoni għal tliet sptarijiet pubbliċi: l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa. Vitals Global Healthcare kienet biegħet il-ftehim tagħha, ta’ konċessjoni għat-tliet sptarijiet pubbliċi għal 99 sena lil Steward Healthcare għal €1.

Il-konferenza tal-aħbarijiet indirizzawha wkoll il-Membri Parlamentari tal-PN Stephen Spiteri u Karol Aquilina.

Spiteri qal li hija tal-mistħija li jekk Steward Healthcare ifalli milli jwettaq dak li hemm fil-ftehim u jiddeċiedi li jitlaq mill-pajjiż, il-Gvern irid iħallashom biex jagħmlu dan.

Min-naħa tiegħu, Aquilin qal li dak li kellu jkun kuntratt pubbliku biex isaħħaħ is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, inbidel fi skandlu fejn il-kuntratti għadhom lanqas biss saru pubbliċi.

Delia semma wkoll kif il-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals Global Healthcare, Ram Tumuluri ħallas lilu nniffsu bonu ta’ €5 miljun li kienet kundizzjoni mniżżla fil-kuntratt u li kellha titħallas lilu malli jgħalaq tliet snin bħala Kap Eżekuttiv.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn