Filmat: Bżonn użu tat-teknoloġija diġitali fil-ġlieda kontra l-coronavirus – PN

Read in English.

Konferenza tal-Aħbarijiet

Posted by Partit Nazzjonalista on Friday, April 24, 2020

Il-Partit Nazzjonalista sostna li hemm bżonn li jkun hemm użu mit-teknoloġija diġitali sabiex il-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus tkun aħjar.

“Fid-dinja kollha inkluż f’Malta, kulħadd jirreferi għall-COVID-19 bħala dak l-għadu li ma jidhirx. Għalhekk huwa ferm importanti li nagħmlu l-aqwa użu tat-teknoloġija sabiex nibdew nesponu l-wiċċ ta’ dan l-għadu u biex insaħħu l-battalja tagħna kontra l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna,” hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Karl Gouder u Kristy Debono.

Bartolo qal li biex il-pajjiż ikun iżjed ippreparat għat-tieni mewġa tal-coronavirus irid jara x’seta’ sar fil-qasam tas-saħħa pubblika bit-teknoloġija diġitali biex ikun ippreparat aħjar. Hu ffoka fuq tliet oqsma prinċipali; titjib fil-komunikazzjoni bejn il-pubbliku u l-awtoritajiet tas-saħħa; titjib fil-ġbir tad-data u l-informazzjoni; titjb fil-loġistika għall-anzjani.

Il-PN iressaq tliet mozzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista ressaq tliet mozzjonijiet. L-ewwel waħda hija dik ta’ konversazzjoni awtomatizzata li tkun disponibbli 24 siegħa kuljum biex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-miżuri kollha u l-prekawzjonijiet, x’inhuma s-sinjali vitali kollha, u dak kollu li jservi ta’ benefiċċju għall-pubbliku.

It-tieni mozzjoni tal-PN kienet dik li tiġi kkreata mobile app fejn persuna tkun tista’ tirreġistra u taqsam is-sinjali vitali mas-servizzi tas-saħħa, bid-data tkun sorveljata mill-Awtorijitajiet tas-Saħħa. Qal li bl-użu tal-app l-awtoritajiet ikunu jistgħu jkunu aktar proattivi fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-ittestjar. Qal ukoll li bl-użu tal-app jista’ jiġi faċilitat tracing f’każ li jkun hemm test pożittiv.

It-tielet proposta tal-PN kienet dik ta’ titjib fil-loġistika għall-anzjani fejn jidħol stock tal-mediċina, l-konsum tal-pilloli fil-ħin u l-użu tal-pilloli t-tajba.

“Żmien fejn nippromwovu l-qabża diġitali” – Debono

Min-naħa tagħha, il-MP tal-PN Kristy Debono qalet li issa huwa ż-żmien li bi skemi iffukati, il-kumpaniji jiġu inkoraġġuti jagħmlu l-qabża fin-negozju tagħhom, fejn ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li s-soċjetà diġitali toffri f’bosta setturi. Qalet ukoll li hemm bżonn tiġi indirizzata l-isfida tal-online shopping, li tista’ tissarraf f’iżjed opportunitajiet u dan b’expression of interest għad-delivery services biex in-negozji jibbenifikaw minn għajnuna.

Min-naħa tiegħu, l-MP tal-PN Karl Gouder qal li huwa importanti ħafna li s-sistema teknoloġika tas-saħħa tasal għand kulħadd, u sabiex isir hekk lir-rwol tal-gvernijiet lokali huwa importanti ħafna. Qal li dan huwa żmien meta għandu jsir investiment f’sistemi teknoloġiċi ġodda u effiċjienti għall-gvernijiet lokali fosthom one stop shop online komuni fejn il-gvernijiet lokali jkunu jistgħu jwasslu s-servizzi tagħhom u servizzi oħrajn ġodda, fosthom dawk tas-saħħa, b’ħafna iktar effiċjenza online.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn