Filmat: Il-PN jibqa’ jinsisti għal kontijiet tad-dawl u l-ilma irħas

Aġġornat 03:10 PM

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob mill-ġdid li l-gvern iraħħas il-kontijiet tal-elettriku, l-ilma u t-tariffi fuq il-fjuwil b’50% fid-dawl tat-tnaqqis fil-prezz taż-żejt u l-gass.

Dan qalu l-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN biex jispjega għaliex il-pubbliku qed iħallas kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-MPs tal-PN Claudette Buttigieg u Herman Schiavone.

It-Tlieta, l-Oppożizzjoni ħarġet stqarrija titlob lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet b’mod immedjat. Dan fid-dawl meta l-awtoritajiet tas-saħħa qed joħorġu struzzjonijiet sabiex il-pubbliku ma joħroġx mid-dar waqt il-firxa tal-virus f’Malta.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, Callus, spjega li l-prezz taż-żejt niżel f’livell rekord wara li dawk li jipproduċuh spiċċaw bla spazju fejn jaħżnuh minħabba l-kriżi tal-coronavirus. Callus spjega li l-gvern għamel ftehim tal-Electrogas għal 18-il sena minkejja li qed juża l-interconnector u l-power station tal-BWSC biex jiġġenera elettriku irħas minn dak li jixtri mingħand l-Electrogas.

Callus semma kif intant, is-SOCAR hija intermedjarju għal Malta sabiex tixtri l-gass, xogħol li għalih is-SOCAR qed titħalla mal-€40 miljuni f’commissions.

Il-kelliem għall-Oppożizzjoni staqsa għaliex il-Gvern qed isib dawn l-iskużi kollha biex ma jraħħassx il-kontijiet anke meta l-prezzijiet internazzjonali naqsu b’36%. Callus semma wkoll kif il-ftehim tal-Electrogas kien jgħid li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kellhom jirċievu €5,000 kuljum.

Il-€5,000 f’ġurnata kellhom jiġu trasferiti fil-kontijiet sigrieti ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama minn 17 Black. 17 Black hija l-kumpanija sigriet f’Dubaj tan-negozjant Yorgen Fenech, li bħalissa qed jiġi akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galziia.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn