Filmat: Il-PN jappella għal użu għaqli tal-inċentivi u l-fondi Ewropej

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellem dwar il-baġit Ewropew sabiex wara l-imxija tal-COVID-19, l-unjoni Ewropea toħroġ aktar f’saħħitha.

Il-Membru Parlamentari Mario DeMarco appella lill-Gvern sabiex mill-baġit Ewropew jara x’inhuma l-inċentivi li għandhom jiddaħħlu sabiex ladarba tgħaddi l-kriżi l-pajjiż jirpilja. Qal ukoll li l-Prim Ministru għandu juża’ l-fondi Ewropej biex jikkrea “level playing field”.

Dejjem ikun hemm fejn isir iktar – Metsola

Min-naħa tagħha, il-Kap tad-Delegazzjoni Ewropea tal-PN, Roberta Metsola qalet li dejjem tajjeb li wieħed jammetti li l-Unjoni Ewropea dejjem tista’ tagħmel aktar. Qalet li ma jistax ikun hemm ġustizzja soċjali jekk xi ħadd jitħalla barra. Qalet li meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea, din bdiet taġixxi mill-ewwel. Qalet li fil-kriżi ekonomika dinjija ta’ ftit snin ilu, l-Unjoni Ewropea aġixxiet u llum qed taġixxi fejn tidħol pandemija medika.

Metsola qalet li jekk ikun hemm pajjiż wieħed li ma jikkooperax, mela l-ħidma tal-Unjoni Ewropea titpoġġa f’riskju. Metsola qalet li l-għan tagħhom bħala MEPs huwa li jisimgħu u li jaraw li ħadd ma jitħalla waħdu, jaffaċċja din il-kriżi.

Metsola tkellmet dwar il-green lanes. Spejgat li minkejja li ngħaqlu l-fruntieri tal-pajjiżi, inħolqu l-green lanes biex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin is-supplies tal-ikel u affarijiet mediċi. Qalet li fuq livell ekonomiku, il-PPE appella għall-pakkett ta’ solidarjetà fejn qed jitolbu għal aktar fondi. Qalet li qed jirrilaxxaw ir-regoli dwar l-istate aid, dan biex l-operaturi ekonomiċi jingħataw għanjnuni ta’ fondi, bħall-€50 miljun li diġà ngħataw lil Malta.

Metsola qalet li llum wieħed ma jistax jibża’ li jonfoq u jsiru l-investimenti meħtieġa biex ir-rotta ekonomika terġa’ tibda ddur. “Irridu nagħmlu l-għalmu tagħna biex insalvaw il-kumpaniji tal-ajru,” qalet Metsola. Spjegat li se tkompli l-ħidma kontra l-kriminalità organizzata.

Hi appellat għall-kuraġġ minkejja li ż-żmien huwa wieħed diffiċli. Qalet li żgur li llum qed jitbegħdu minn xulxin, imma dan se jwassal għall-għaqda bejn kulħadd.

Is-suċċess tal-fondi tal-UE jiddependi fuq kif jużawhom il-pajjiżi – Casa

Min-naħa tiegħu, l-MEP Nazzjonalista David Casa tkellem dwar l-inizjattivi ta’ fondi li ħadet l-Unjoni Ewropea biex jintużaw mill-Gvernijiet. Qalet li s-suċċess tagħhom jiddependi fuq kemm dawn jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Qal li jekk hemm bżonn għandhom jinħolqu fondi ġodda.

Casa spjega li fil-jiem li ġejjin, il-Parlament Ewropew se jinvota fuq l-inizjattiva għall-investiment fejn jidħol il-COVID-19. Dan ifisser li se jkun fond li se jgħin lill-Gvern ma joħorġx flus minn ġewwa. B’hekk il-Gvernijiet se jkunu jistgħu japplikaw għal fondi li jirċievu malajr, u jinjettawhom fis-soċjetà. Qal li se jkunu qed jaħdmu fuq fondi li jinċentivaw xogħolijiet short-term.

Casa qal li importanti li wieħed jiftakar li l-UE tipprovdi l-fondi u sta għall-Gvernijiet li jagħmlu użu minn dawn il-fondi. Casa qal li hemm bżonn li anke lokalment, ikun hemm messaġġ wieħed li jkun ċar u li jkun b’saħħtu. Hu faħħar lill-awtoritajiet tas-saħħa u qal li huma qed jimxu b’mod tajjeb. Appella biex ikun hemm aktar qbil fejn jidħlu l-miżuri u d-direttivi li qed joħorġu.

Casa sellem lill-piloti tal-AirMalta li llum tilfu l-post tax-xogħol tagħhom.

Il-coronavirus qed jhedded l-erba’ pilastri ta’ ħelsien Ewropej – Debono

Intant, il-MP Kristy Debono, qalet li bħalissa l-UE għaddejja minn żmien ta’ gwerra kontra għadu inviżibbli. Qal li l-coronavirus huwa emerġenza ekonomika, imma wkoll attakk fuq is-sistema ekonomika u soċjali tad-dinja. Qalet l-UE hija mibnija fuq erba’ pilastri tal-ħelsien. Qalet li dan il-vajrus waqqafhom ħesrem fejn issa la wieħed jista’ jivjaġġa minn pajjiż għall-ieħor u lanqas f’pajjiżu stess.

Hi rrimarkat li kull negozju li jgħalaq illum huwa perċentwal żgħir tal-ekonomija li intilfet. Appellat biex flus il-poplu, iżjed minn qatt qabel, jintużaw bir-reqqa u kemm jista’ jkun b’mod effettiv. Qalet li fuq dan il-punt, il-Gvern jista’ jagħmel ħafna aktar.

Fl-aħħar ħin, il-Professur Charmaine Gauci għadha kemm ħabbret li f’Malta kien hawn sitt każi ġodda ta’ coronavirus.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi dwar il-messaġġ ewlieni tal-PN, DeMarco qal li hemm bżonn li jsir dak kollu li hemm bżonn biex ma jintilfux impjiegi u biex il-fondi jitqassmu ma’ dawk il-pajjiż li fost l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna.

Mistoqsi dwar il-piloti tal-AirMalta tkeċċew u l-pożizzjoni tal-PN fuq dan, DeMarco qal li f’dan iż-żminijiet importanti li wieħed jirrealizza kemm hi strateġikament importanti l-AirMalta. Qal li l-industrija tal-avjazzjoni ħadet waħda mill-akbar daqqiet ta’ ħarta. Qal li hemm bżonn li l-fondi tal-istate aid jintużaw biex jgħin lill-AirMalta. Insista li ma jistax ikun li jkollok 100 pilota tal-AirMalta li jispiċċaw bla xogħol.

DeMarco sostna li n-numru ta’ proposti li qed joħroġ bihom il-Partit Nazzjonalista mhux qed isiru biex ifixxklu iżda aktar biex jgħinu. Qal li l-intenzjoni tagħhom huma biex ma jintilfux impjiegi. Insista li f’dan l-istadju l-Gvern m’għandhux jagħmel distinzjoni bejn aħna u huma, imma li kulħadd jirrealizza li kulħadd għandu għan wieħed, li jsalvaw l-impjiegi.