Filmat: Il-PN jipproponi fond għall-midja u l-ġurnalisti

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista ppropona miżuri mmirati biex il-Gvern jgħin lill-midja u lill-ġurnalisti fiċ-ċirkostanzi preżenti bl-imxija tal-coronavirus fosthom fond speċifiku għall-midja u l-ġurnalisti mmexxi mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Dawn il-proposti tressqu mid-deputati Nazzjonalisti Therese Comodini Cachia, Karl Gouder u David Thake. Comodini Cachia pproponiet li jitwaqqaf tim ta’ ġurnalisti magħmul mill-ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti biex iwaqqfu l-Fake News u huma stess ikunu jistgħu joħorġu informazzjoni tajba u korretta.

Mistoqsija dwar iċ-ċifra ta’ dan il-fond, Comodini Cachia qalet li jekk il-Gvern sab €4.5 miljun għal kumpanija waħda biex tagħmel riklamar dwar Malta b’referenza għall-kuntratt tal-Vistajet, hekk ukoll il-Gvern għandu jsib il-flus għall-kmamar tal-aħbarijiet Maltin.

Hija spjegat li għandu jkun hemm finanzjament għall-proġetti amministrati mis-siti tal-aħbarijiet biex ixerrdu materjal dwar l-imxija tal-coronavirus. Fissret kif dawn il-proġetti jistgħu jiġu fil-forom differenti bħalma huma dibatti onlajn ma’ esperti, intervisti ma’ esperti mill-qasam tas-saħħa, mistoqsija u risposta għall-pubbliku u inizjattivi oħra.

Miżura oħra li tista’ tiġi ffinanzjata mill-Gvern hija dik li tkun immirata lejn l-Online Influencers. Hija spjegat kif dawn għandhom influwenza diretta fuq il-Maltin u l-Għawdxin u għaldaqstant il-Gvern jista’ jilħaq lill-kulħadd permezz ta’ dawn il-mezzi li huma diġa stabbiliti.

David Thake qal li dawn il-kumpaniji tal-midja u l-aħbarijiet raw id-dħul tagħhom jikrolla fl-aħħar ġimgħat. Stqarr li l-klijenti tagħhom tar-riklamar li huma n-negozji naqqsu jew waqqfu għal kollox ir-riklamar tagħhom u poġġa l-vijabbiltà tal-kamra tal-aħbarijiet tagħhom fid-diffikultà.

Huwa aċċenna għall-proposti li tressqu mill-kmamar tal-aħbarijiet infushom f’ittra li bagħtu lill-Prim Ministru.

Thake qal li l-Partit Nazzjonalista jħoss li l-Gvern għandu jgħin fis-salarji tal-ġurnalisti għaliex qal li f’dan iż-żmien diffiċli, l-involviment tal-ġurnalisti huwa importanti biex titwassal informazzjoni korretta fid-djar tan-nies.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn