Filmat: “Politika tal-biża’ ma twassal imkien; fl-immigrazzjoni ma lħaqniex l-aspettattiva” – PM

Posted by Partit Laburista on Sunday, July 26, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela ammetta li dwar l-immigrazzjoni, il-Gvern għadu ma leħaqx l-aspettattiva tan-nies. Huwa qal li s-sitwazzjoni mhix faċli meta ta’ kuljum dgħajjes jitilqu mill-kosta Libjana. 

Huwa qal li l-istrateġija tal-Gvern fuq l-immigrazzjoni hi li jwaqqaf il-wasliet, jagħmel rilokazzjoni ta’ persuni li jaslu kif ukoll li jsaħħaħ il-preżenza tal-pulizija f’lokalitajiet l-iktar milquta bħall-Ħamrun u l-Marsa. 

Abela kien qed jitkellem f’għeluq il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista fit-Teatru Rialto f’Bormla. Il-konferenza għalqet iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista.

Abela qal li fl-ewwel xhur tiegħu bħala Prim Ministru nqala’ minn kollox, l-ewwel kriżi politika imbagħad pandemija dinjija bla preċedent, iżda f’dan kollu, il-Partit Laburista wera kemm hu moviment ta’ stoffa. 

“Ħalluh ħa jinqala’, iktar ma jkun hemm maltemp iktar noħorġu b’saħħitna,” stqarr il-Prim Ministru. Abela qal li tul il-pandemija l-Gvern kien dixxiplinat u ma mexiex bi strateġija tal-biża’, waqt li hu żamm kemmtu man-nies li se jgawdu is-sajf. Robert Abela qal li mhux faċli ma tħallix il-biża’ jegħlbek għax kull deċiżjoni setgħet twassal biex imutu in-nies.  

Il-Prim Ministru akkuża lill-kritiċi tiegħu li qed ibeżżgħu b’każ jew tnejn ġodda ta’ Covid-19 biex jagħmlu ħsara lill-ekonomija, mentri fl-aħħar ġimgħat f’Malta nħolqu 4,000 impjieg ġdid, sostna Abela. 

Waqt id-diskors tal-Prim Ministru, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar 14-il każ ġdid tal-coronavirus li nstabu fl-aħħar 24 siegħa.

Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tat lill-pajjiż l-ikbar ċertifikat li identifikat lil Malta bħala l-ewwel pajjiż Ewropew li se joħroġ mill-kriżi ekonomika. F’dan il-kuntest Abela spjega li ma kienx faċli li jinnegozja pakkett finanzjarju ta’ €2.25 biljun.  

“Iż-żmien tana raġun u l-istess se jagħmel fuq il-kwistjoni ta’ Moneyval meta ngħaddu minn dak it-test ukoll,” insista l-Prim Ministru. 

Huwa qal li ċ-ċavetta tas-suċċess hu li bħala individwu hu jħobb il-ħajja għad-differenza tal-esponenti Nazzjonalista li jridu jdaħħlu l-qorti lill-iżgħar fost il-partitarji tagħhom li kkritikawhom li marru kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. 

Filwaqt li minkejja li l-Kummissjoni Venezja approvat il-proposti tal-Gvern Malti għall-Governanza Tajba, l-Oppożizzjoni mistennija tivvota kontra. Spjega li biex tgħaddi din il-liġi hemm bżonn iż-żewġ terzi tal-kamra u appella lill-Oppożizzjoni biex tbiddel il-ħsieb. 

Wara li Daniel Micallef, li kien President tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar snin, daħħal in-nomina tiegħu għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit minflok Chris Cardona, il-President il-ġdid hija Ramona Attard, li sa ftit xhur ilu kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru.