Filmat: “Sfida immedjata li jinfetħu l-istabbilimenti li fadal magħluqa” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela stqarr li l-isfida immedjata hija li jinfetħu l-bqija tal-istabbilimenti li fadal magħluqa. F’intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, Dr Abela stqarr li filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha, fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet biex jiġu rilassati l-miżuri restrittivi. Huwa qal li s-suċċess f’dawn il-ġimgħat kien li l-miżuri kienu bbilanċjati.

Qal li ma jridx jara normalità fejn in-nies jibżgħu minn xulxin. Spjega li r-rilassament tal-miżuri ma jridx isir b’għaġla iżda bi proċess gradwali fejn terġa’ tinbena l-fiduċja bejn in-nies. Temm b’messaġġ ta’ kuraġġ fejn qal li jemmen li b’għaqal l-ekonomija tista’ terġa’ tirpilja.

Rasi mistrieħa mis-saħħa tal-poplu

Il-Prim Ministru qal li għandu rasu mistrieħa dwar is-saħħa tal-poplu għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa urew li kapaċi jlaħqu mal-kriżi tas-saħħa pubblika. Huwa qal li issa l-ħidma tal-Gvern trid tkun iffukata fuq l-ekonomija. Qal li permezz ta’ ekonomija reżiljenti, il-Gvern seta’ jsalva mad-90,000 impjieg. Qal li għaddejjin diskussjonijiet ma’ diversi nies u imsieħba soċjali biex jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-ekonomija.

Għal diversi drabi, il-Prim Ministru semma li huwa qed imexxi Gvern ġdid. Saħaq li huwa kellu jieħu d-deċiżjonijiet iebsa tmien ġimgħat biss wara li ħa l-ħatra ta’ Prim Ministru.

Il-PM tkellem ukoll dwar dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea li l-ekonomija Maltija mistennija tintlaqat b’mod inqas minn pajjiżi oħra. Qal li huwa kburi b’dak li huwa sejjaħ bħala “ċertifikat għal Malta”.

Ringrazzjament lill-ommijiet u lill-frontliners

F’Jum l-Omm, il-Prim Ministru rringrazzja lil ommu għat-trobbija li tatu u sellem lill-ommijiet kollha filwaqt li qal li l-omm hija l-figura li tgħaqqad il-familja.

Huwa rringrazzja wkoll lil frontliners għaliex permezz tal-ħidma tagħhom kien hemm kooperazzjoni li wasslet għal riżultat sabiħ li l-każijiet pożittivi ta’ coronavirus huma baxxi.

“Ninsistu għar-rilokazzjoni, mhux b’rabja jew ġlied”

Dwar l-immigrazzjoni, il-PM qal li Malta qed taffronta l-kriżi tal-immigrazzjoni b’serjetà. Huwa stqarr li din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-problema finanzjarja għax qal li minkejja li Malta rċeviet għajnuniet finanzjarji, ir-riżorsi ta’ Malta huma limitati. Fisser kif Malta qed tinsisti għar-rilokazzjoni mingħajr rabja u mingħajr ġlied. Qal ukoll li l-Gvern lest jirrevedi l-pożizzjoni li ħa sa issa fil-mument li tinstab soluzzjoni.

Qal li dan qed isir billi s-saħħa tal-Maltin, l-Għawdxin u lill-immigranti li huma residenti f’Malta tiġi protetta. Saħaq li din hija problema tal-fruntieri Ewropej u problema dinjija.

Huwa stieden lill-Oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili biex jgħinu lill-Gvern f’din il-kwistjoni nazzjonali.

Reġa’ qal li ma jistax ikun hemm deputat tal-Oppożizzjoni li jagħmel denunzja biex ipoġġi f’għomor il-ħabs lis-suldati jew lilu għaliex il-kriżi tal-immigrazzjoni trid tiġi miġġielda b’kompassjoni u umanità lejn l-immigranti. Huwa qal li din il-ġimgħa xehed fl-inkjesta quddiem il-Maġistrat taħt ġurament dwar kif il-Gvern ma xekkilx il-koordinament tal-ħidma ta’ salvataġġ tal-immigranti.

Stqarr li sal-lum ma kienx hemm soluzzjoni ħolistika. Huwa fisser kif il-ħidma tal-Gvern bħalissa qed tiffoka biex l-Unjoni Ewropea ssolvi din il-problema għall-futur u mhux biss bħala soluzzjoni għal waqt il-pandemija tal-Covid-19.

Huwa qal li filwaqt li jifhem il-problema li ġabet magħha l-pandemija, saħaq li l-kriżi tal-immigrazzjoni ilha ġejja s-snin u qatt ma nstabet soluzzjoni. Semma kif fil-ġimgħa tal-Għid, Malta kienet qed tikkoordina s-salvataġġ ta’ ħames dgħajjes differenti tal-immigranti. Qal li r-riżorsi ta’ Malta kienu ffukati biex ma jintilfux il-ħajjiet. Stqarr li Malta flimkien mal-Italja qed jerfgħu waħidhom din il-problema.

Dwar ir-rispett li Malta tgawdi mill-pajjiżi u l-istituzzjonijiet Ewropej, Dr Abela qal li dawn jifhmu l-piż li Malta qed terfa’. Xejjen dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lbieraħ fejn qal li Malta m’għadhix tgawdi r-rispett minħabba l-azzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela.

“Delia inkonsistenti dwar l-immigrazzjoni”

Il-Prim Ministru staqsa jekk hemmx Kap tal-Oppiżizzjoni meta mistoqsi dwar dak li sejjaħ bħala stqarrijiet inkonsistenti dwar l-immigrazzjoni. Huwa fakkar kif kien Dr Delia li kien issuġerixxa li l-immigranti jibqgħu fuq il-vapuri ‘l barra minn Malta iżda issa mhux qed jaqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern.

Sostna li kieku l-Gvern kien immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien ikollu Prim Ministru li ma jafx x’direzzjoni għandha tieħu Malta dwar l-immigrazzjoni.

Fi ftit ġranet ġibna n-normalità fil-pajjiż wara l-kriżi politika li wasslet għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Stqarr li mexxej tajjeb huwa dak li jisma lil kulħadd iżda li jrid jieħu d-deċiżjoni finali hu. Qal li jemmen li qed jieħu d-deċiżjonijiet tajbin għaliex qal li l-aħħar ġimgħat wasslu għal riżultati. Semma wkoll kif dan il-Gvern huwa l-aktar Gvern fdat li qatt kellha Malta.

Huwa qal li l-Gvern se jkun qed jagħti aktar inċentivi ekonomiċi għan-nies biex ikun hawn il-ġid fil-pajjiż. Stqarr li hemm differenza ċara bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fejn fuq naħa l-Gvern qed jaħdem biex joħloq il-ġid u fuq naħa l-Oppożizzjoni tkun distruttiva u taħdem kontra Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn