Filmat: “Irresponsabbli min mar fuq il-bajjiet wara li għalqu l-bars” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li huma irresponsabbli n-nies li marru fuq il-bajjiet wara li għalqu l-bars.

F’attività politika fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex, il-PM qal li l-messaġġ mhux qed jasal. Spjega li filwaqt li ġew introdotti miżuri ġodda biex il-bars jagħlqu fil-11pm, xorta kien hemm nies li marru flimkien fil-bajjiet. Qal li din hija irresponsabbiltà.

Il-PM reġa’ saħaq li “s-sitwazzjoni qiegħda taħt kontroll” iżda fl-istess waqt qal li “ma nistgħux nillaxkaw”. Saħaq li r-riżultat jiddependi fuq ir-responsabbiltà ta’ kulħadd.

Dwar it-telework, il-PM indika li se jkun qed jiġi aġġustat il-mod kif jaħdmu ċerti dipartimenti tal-Gvern għaliex semma kif kien hemm xi ilmenti ta’ xi dipartimenti li ma tħallewx jagħmlu t-telework.

Il-PM ikkummenta dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta. Il-PM qal li l-ħolqien ta’ kumitat ma kinitx is-soluzzjoni fl-istess ħin li tkellem dwar l-elezzjoni għal Kap tal-PN meta l-PM Abela qal li n-Nazzjonalisti “ntefgħu jiċċelebraw jew jargumentaw fuq xulxin”.

Il-PM qal li hu kburi li jmexxi lill-pajjiż f’dan il-mument billi qal li dan “l-poplu tal-George Cross” għaliex saħaq fuq is-solidarjetà li kulħadd irid juri bħala soċjetà waħda. Il-PM qal li missu jistħi min ma jgħidx li hu Malti meta rrefera għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta kien imsiefer u qal li huwa mill-Greċja.

Qal li nhar it-Tlieta fil-Parlament se jkun qed juri dak kollu li l-Gvern qed jagħmel mal-poplu.

Dwar il-baġit, il-PM qabbel dak li qed jiġri f’Malta bħalissa ma’ dak li seħħ f’Malta fl-2009 fl-eqqel tal-kriżi ekonomika meta l-PM qal li kien il-poplu li refa’ l-piż. Qal li fis-sitwazzjoni tal-pandemija qed ikun il-Gvern li jerfa’ l-piż għaliex ħejja “l-aqwa baġit fl-istorja meta ħaddieħor stenna li l-ekonomija tbati”. Saħaq li f’mument ta’ diffikultà, il-Gvern aktar iqassam.