Filmat: “Kelli xogħlijiet umli, anki xogħol tal-id”

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li tgħallem ħafna għax kellu xogħlijiet umli anki xogħol tal-id. Huwa kien qed jitkellem dwar id-dibattitu li sar ilbieraħ fuq l-istazzjon nazzjonali. Saħaq iżda li “ma fiha xejn ħażin li tgħid lill-uliedek jimxu ‘l quddiem”.

Muscat jippersisti fuq il-mina, jgħid li l-PN ilu jwegħda mill-2010

Muscat qal li ma jistax jifhem lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta għamel u-turn dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Saħaq li llum il-ġurnata l-Oppożizzjoni ma tistax toqgħod fuqha għaliex bil-kummenti ta’ Delia dwar il-mina, il-Partit Nazzjonalista qed imur lura minn kelmtu.

Joseph Muscat kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet waqt attività politika tal-Partit Laburista f’Ħal Għaxaq.

Dwar il-proġett tal-mina, Joseph Muscat qal li “kull darba li l-Partit Nazzjonalista jwiegħed xi ħaġa jmorru bil-maqlub”. Fisser dan billi qal li l-istess proġett tniżżel f’diversi manifesti elettorali tal-Partit Nazzjonalista, ġie vvutat favur b’mod unanimu fil-Parlament iżda qal li iżda lbieraħ il-Kap tal-Oppżoizzjoni qal li l-ewwel irid jara l-istudji biex ikun favur dan il-proġett.

ARA: L-ewwel dibattitu bejn Muscat Delia

Semma eżempji oħra fejn il-Partit Nazzjonalista mar lura mill-wiegħdiet tiegħu fosthom meta skont il-Prim Ministru, fl-2008 meta rebaħ b’maġġoranza żgħira ħafna kien wiegħed li se jnaqqas it-taxxa tad-dħul (Income Tax) u din damet ma seħħet.

Fost iċ-ċapċip mill-folla, il-Prim Ministru saħaq li “mingħajr għaqda f’partit jew moviment ma tista qatt tgħaqqad pajjiż”.

Huwa qal li l-Partit Laburista wieħed it-tnaqqis fil-kontijiet u l-proposta ta’ Child care b’xejn u dawn twettqu.

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali, il-Prim Ministru qal li issa f’idejn l-Għaxqin u f’idejn in-nies tas-South jekk Beppe Fenech Adami għandux raġun jew le li l-Partit Laburista għandu problema bin-nies tiegħu biex joħorġu jivvutaw.

Reġa’ fisser kif il-Partit Nazzjonalista għamel strateġija kontra l-Partit Laburista iżda huwa wkoll diżrispett lejn il-votanti tal-Partit Nazzjonalista f’lokalitajiet fejn in-Nazzjonalisti huma f’minoranza.

Huwa appella lin-Nazzjonalisti urtati biex juru l-protesta tagħhom billi jagħtu l-vot tagħhom lill-kandidati tal-Partit Laburista.