Il-PM jitkellem dwar l-assassinju; u dwar il-karriera tiegħu

"Probabbli l-aħħar diskors bħala PM"

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ippropona bidla fl-Aġenda tal-Parlament għal-lum u għada. Stqarr li fid-dawl tal-iżviluppi li kien hemm fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dawn is-seduti jkunu dibattiti bla vot. Il-Prim Ministru stieden lura lill-Oppożizzjoni biex tidħol.

Tirrapporta LIVE mill-Parlament Nicole Borg:

17:29: Il-Kamra ġiet aġġornata għal għada, fejn il-pjan huwa li l-Parlament ikompli jiddibatti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Prim Ministru kien qal li meta jkun iż-żmien opportun, lest li jiddibatti dwar il-każ.

17:28 Ċapċipa twila mill-Membri Parlamentari tal-Gvern għad-diskors ta’ Joseph Muscat. Dr Muscat joħroġ mill-Kamra tar-Rappreżentanti.

17:27: Joseph Muscat stqarr li jemmen li kull PM li kellu l-pajjiż sa issa għamel dak li ħass kien ta’ ġid għall-pajjiż. Qal li konvint li kull PM li se jkollu l-pajjiż fil-futur se jagħmel l-istess.

17:26: Irringrazzja lil dawk kollha li jagħmlu xogħol minn wara l-kwinti. Qal li kien hemm min staqsieh jekk jiddispjaċihx li daħal fil-politika. Hu qal li jħoss li huwa kburi bix-xogħol li għamel imma bħal kulħadd ikun hemm xi affarijiet li wieħed ikun xtaq li ma għamilx.

17:24 Irrimarka li s-sitwazzjoni ta’ kif se joħroġ mhix waħda pjaċevoli. Hu rringrazzja lill-Ispeaker tal-Kamra li sostna kellu relazzjoni eċċellenti miegħu.

17:23: Muscat qal li wieħed ma għandux iservi iktar minn żewġ mandati bħala PM. Qal li kellu dati differenti f’moħħu ta’ meta jitlaq minn PM. Semma li beda li jitlaq fis-sajf li għadda. Minħabba l-baġit qal li mar bl-idea li jitlaq wara l-baġit. Imbagħad biddel fehmtu u qal li se jibqa’ sal-aħħar tas-sena.

17:18: Reġa’ semma kif dan id-diskors jaf ikun l-aħħar wieħed tiegħu tat-tip.

17:16: Jidħol fil-kamra d-deputati Godfrey Farrugia u jerġa’ joħroġ ‘il barra ftit tas-sekondi wara.

17:15: Semma kif sat-12 ta’ Jannar 2020 għandu jkun instab mexxej ġdid tal-Partit Laburista, imbagħad hu jirreżenja minn Prim Ministru u jagħti lok għal tmexxija ġdida għall-pajjiż.

17:14: Semma kif l-ewwel mod kif beda l-karriera tiegħu kienet dik li jiffajlja l-gazzetti mal-Ministru Evarist Bartolo u ma għandu l-ebda problema li jerġa’ jispiċċa jagħmel dan ix-xogħol.

17:12: Muscat qal li l-vot tiegħu se jmur għall-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Qal li se jkompli jassigura li l-Gvern li għandu maġġoranza, għad għandu maġġoranza, jibqa’ jżomm il-maġġoranza. Qal li din il-maġġoranza qatt ma kienet marbuta ma’ Joseph Muscat, iżda hija marbuta ma’ moviment.

17:10: Muscat qal li huwa konvint li l-Gvern se jkompli l-mandat għal sentejn u nofs oħra. Id-deputati laburisti reġgħu nfexxew isabbtu mal-mejda b’approvazzjoni. Qal li ħass li llum kienet l-ewwel ġurnata “of the rest of my life”. Hu kompla billi awgura lil dawk kollha li se jikkontestaw għall-irwol tiegħu u li jekk jibqa’ fil-Parlament bħala backbencher se jibqa’ leali.

17:08: Dr Muscat stqarr li ma jafx hux se jerġa’ jitkellem fil-Parlament bħala deputat wara r-riżenja, imma hemm ċans li hija l-aħħar darba li se jitkellem bħala PM. Qal li l-aħħar ħaġa li nawgura lill-PM il-ġdid hija li jżomm l-għaqda. Qal li l-grupp huwa magħqud daqs kemm kien magħqud qabel.

Maġġoranza tal-Kabinett jitolbu r-riżenja ta’ Muscat
Joseph Muscat mistenni jħabbar ir-riżenja

17:05: Il-PM qal li jemmen li għadu jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin. Sostna li  hu jgawdi wkoll il-fiduċja kollha tal-membri kollha tal-kabinett. Qal li f’kull laqgħa tal-kabinett u tal-grupp parlamentari li kien hemm, ħass sens kbir ta’ companionship.

17:04: Muscat qal li politikament minn dejjem qal li ma kienx biħsiebu jabdika minn din ir-responsabbiltà. Saħaq li issa huwa ż-żmien li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Irrefera għall-messaġġ li għamel ilbieraħ filgħaxija lin-nazzjon permezz tal-istazzjon nazzjonali, TVM.

17:03: Il-PM qal li hu kien wiegħed lilu nniffsu li ried jagħlaq dan il-każ kemm idum PM hu. Stqarr li ma riedx li jkun bħal dawk ta’ qablu li ma għalqu l-ebda minn dawn il-każijiet il-kbar. Qal li dan kien punt importanti għalih.

17:01: Il-Prim Ministru jinsisti li hu kburi bix-xogħol li sar u l-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern sabtu jdejhom fuq il-mejda. Intant, silenzju min-naħa tal-Oppożizzjoni hekk kif lanqas id-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia ma huma preżenti.

16:59: Il-PM irringrazzja lil dawk kollha involuti fl-investigazzjonijiet. Qal li x-xogħol wera li f’Malta hawn istituzzjonijiet li jaħdmu u wrew li ħadd ma hu fuq il-liġi. Qal li l-verità finali hi li l-investigazzjoni wasslet li kien hemm persuna li tressqet il-Qorti bħala l-mandant. Qal li mhux xogħol il-membri parlamentari u d-deputati li jkunu huma li jaqtgħu l-kundanna tal-akkużat. Qal li l-politiċi xogħolhom huwa li jaraw li l-istituzzjonijiet jitħallew jagħmlu xogħolhom.

16:57: Il-PM tkellem dwar meta ltaqa’ mal-familja Caruana Galizia u qal li kien ċar li kien hemm qbil dwar min għandu jmexxi l-inkjesta imma ma kienx hemm qbil maż-żewġ persuni l-oħra nnominati li jmexxu l-inkjesta. Qal li minkejja li hu ma ħasibx li r-raġunijiet għal dan kienu ġustifikati, ra li l-bidliet neċessarji jsiru sabiex il-familja Caruana Galizia tkun kuntenta wkoll.

16:55: Il-PM tkellem ukoll dwar l-inkjesta pubblika, li qed titmexxa mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia. Qal li hu ma riedx li din tibda qabel ma jassigura li ma jkun hemm xejn li jħarbat investigazzjonijiet kurrenti.

16:53: Il-PM dakinhar irrapporta lill-Pulizija messaġġ li kien irċieva mingħand Fenech li qal li jekk ma tingħatax il-maħfra presidenzjali kien se jagħti xhieda li tħammeġ lill-PM inniffsu. Qal li mbagħad, wara d-deċiżjoni tal-Kabinett, il-Pulizija kompliet l-investigazzjoni tagħha sakemm wasslet sabiex Fenech jitressaq il-Qorti.

16:52: Muscat kompla billi rrefera għan-numru ta’ drabi li fih Fenech għamel it-talba tal-proklama. Hu qal li fit-28 ta’ Novembru talab lill-Kabinett sabiex jara jekk kienx hemm raġunijiet speċifiċi biex tinħareġ din il-maħfra. “Jiġifieri l-Kabinett ried jara jaqbilx mal-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali li diġà kienu rrifjutaw li din il-maħfra tingħata. Il-Kabinett laqgħa r-rakkomandazzjoni li ma tingħatax din il-maħfra”.

16:50: Il-Prim Ministru qal li dan wassal għall-arrest ta’ Yorgen Fenech meta dan kien se jaħrab permezz ta’ jott. Qal li tajjeb li wieħed jifhem li ladarba persuna titressaq il-Qorti, il-Pulizija ma jkollhiex dritt tistaqsiha aktar mistoqsijiet. Qal li aktar tard hu ġie mgħarraf li Fenech kien qed jitlob għall-immunità. Żied jgħid li hu talab sabiex il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali jaraw jekk għandux ikun hemm lok għal dan.

16:46: Joseph Muscat qal li ladarba kien hemm biżżejjed evidenza li tiġi korroborata mis-sensar, ħarġet id-deċiżjoni li tiġi ffirmata l-maħfra presidenzjali. Il-proklama tkopri wkoll tliet każi partikolari li huma importanti sew fil-kamp kriminali iżda li mhux relatati mal-każ tal-qtil.

16:43: Qal li l-Ħamis 14 ta’ Novembru għamlu rejds f’numru ta’ propjetajiet b’wieħed mill-persuni arrestati huwa s-suspettat sensar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien seħħ ftehim miegħu sabiex jagħti l-informazzjoni kollha li twassal sabiex jissolva l-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Il-PM sostna li ma kienx hu li ta l-maħfra presidenzjali lis-sensar, iżda d-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet mal-investigaturi, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

16:40: Persuna tinstema’ tgħajjat minn barra l-entratura tal-Kamra tal-Parlament. Persuna barra qed tgħajat li “n-nies mhux bhejjem”.

16:38: Il-mużika li ġejja mill-protesta li hemm għaddejja barra l-bibien tal-parlament qed tinstema’ ġmielha.

16:38: Il-PM qal li x-xogħol mill-istituzzjonijiet kompla bla waqfien. Sostna li din kienet l-akbar investigazzjoni fl-istorja Maltija b’riżorsi u investiment. Qal li twaqqfet unit sħiħa fis-servizzi tas-sigurtà li xogħolha kien li tinvestiga. Stqarr li twaqqfet unit sħiħa fis-servizzi tas-sigurtà li xogħolha kien li tinvestiga l-każ tal-assassinju.

16:36: Il-PM qal li kien hemm min ħaseb li kollox waqaf malli tressqu t-tliet persuni akkużati bil-qtil. Semma wkoll kif ħafna persuni semmew lil Karin Grech u lil Raymond Caruana u kif il-każijiet tagħhom qatt ma ssolvew. Qal li kemm-il darba kienu qed jiġu mistoqsijiet dwar x’qed isir fl-investigazzjonijiet u konna ngħidu li ma nistgħux nitkellmu b’mod liberu dwar x’inhu għaddej.

16:33: Il-PM qal li l-involviment tal-FBI kien importanti. Qal li matul is-snin fil-pajjiż kien hawn għexieren ta’ każijiet ta’ karozzi bomba u qatt ma rnexxielhom jissolvew. Qal li kieku ma kienx hemm involviment tal-FBI u mingħajr ir-riżorsi tal-FBI, qatt b’mod immaġinabbli l-pajjiż ma kien jasal biex jinstabu t-tliet persuni li allegatament kienu dawk li wettqu l-qtil. Irringrazzja lill-Gvern Amerikan tal-għajnuna immedjata li taw.

16:30: Il-PM qal li meta Daphne nqatlet għamel li seta’ biex dawk li qatlu lil Daphne jitressqu quddiem il-ġustizzja. Qal li issa ttellgħet persuna l-Qorti fuq akkuża li allegatament kien il-mandant. Żied jgħid li ġie fil-Parlament biex jagħti rendikont tal fatti.