Filmat: L-iskejjel jingħalqu minn għada

Read in English.

Il-PM Robert Abela ħabbar li l-iskejjel f’Malta se jingħalqu minn għada. Se jkunu magħluqin għal ġimgħa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet Abela qal li l-ġenituri li jkollhom joqgħodu d-dar mat-tfal se jkollhom jużaw il-leave tagħhom għal issa.

“Huwa ċar li huma skomdi”, qal Abela b’referenza għall-miżuri li qed jittieħdu.

L-awtoritajiet tas-saħħa dalgħodu ħabbru li sabu żewġ każijiet ġodda ta’ COVID-19. B’kollox hemm disa’ każijiet f’Malta.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li s’issa ma kienx hemm tixrid tal-virus f’Malta. Fearne tenna li l-anzjani għandhom jibqgħu d-dar sakemm ma jkunx hemm ħtieġa biex joħorġu. Aħjar jekk it-tfal jevitaw milli jżuru lill-anzjani.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema mhux se jkunu obligati imorru l-iskola. Appella għas-sens komun b’rabta mal-privatijiet biex dawn jieqfu għalissa.

Il-140,000 anzjani li qegħdin fil-lista tal-POYC se jirċievu stock ta’ xahrejn mediċina.

Il-helpline 111 se jibda jitħaddem minn 50 operatur, minflok 10.

Aktar tard illum se jitnieda l-helpline 21 411 411 għal dawk in-nies fi kwarantina mandatorja.

Il-PM qal li llum mhux meħtieġ li jsir shutdown tal-pajjiż kollu. Abela qal li m’hemmx lok għall-għeluq tar-ristoranti u postijiet tad-divertiment. Però appella lis-sidien tagħhom biex jaġixxu b’mod responsabbli u ma jippruvawx jattiraw il-folol.

Owen Bonnici qal ukoll li l-MATSEC mistennija tħabbar xi tibdil fil-proċeduri tagħha wkoll. Fosthom se tittieħed deċiżjoni biex ma jsirux eżamijiet tal-oral.

Fearne qal li l-agħar ħaġa li tista’ tiġri f’Malta huwa li jinqala’ kollox f’ġimgħa. Fearne spjega li lockdown tal-pajjiż jiġi kkunsidrat jekk jibda jkun hemm trażmissjoni lokali.

Waqt il-konferenza ntqal li l-iskejjel tal-Ingliż qed jaħdmu “f’dimensjoni differenti” u li peress li jkunu turisti li jitgħallmu hawn, hemm direttivi li ħarġu fl-aħħar jiem li japplikaw għal min ikun ġie minn barra.

“L-iskejjel għandhom jingħalqu mingħajr dewmien” – PN

Intant, kwarta qabel il-konferenza msejħa mill-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-iskejjel kollha għandhom jingħalqu mingħajr aktar dewmien għall-ġid tal-istudenti u għall-ġid tal-pajjż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni Clyde Puli saħqu li n-nuqqas ta’ azzjoni li ttieħdet fl-iskejjel fl-aħħar ġimgħat, qed twassal għal tħassib serju fost il-ġenituri. Żied jgħid li kull ġurnata li tgħaddi, inqas ġenituri qed jibagħtu t-tfal l-iskola. Ikkwotaw lill-MUT li rrappurtat li ċertu skejjel kellhom attendenza biss sa 40% tal-istudenti.

Reazzjoni mill-MUT dwar l-għeluq tal-iskejjel

Intant, fi stqarrija, l-MUT, filwaqt li laqgħet l-aħbar li l-iskejjel se jingħalqu minn għada, saħqet li se tissokta bit-taħditiet mal-gvern inkluż waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru li ġiet skedata tard illum wara nofsinhar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn