Filmat: Minn għada jingħalqu l-bars u r-ristoranti – Abela

LIVE: Il-PM jindirizza konferenza dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirusAktar dettalji: https://newsbook.com.mt/live-il-pm-jindirizza-konferenza-tal-ahbarijiet-2/

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, March 16, 2020

Xi spikka fil-qosor:

  • Tinqabad persuna oħra tikser il-kwarantina: jitilgħu għal 5
  • Il-multa ta’ min jikser il-kwarantina titla għal €3,000 kuljum
  • F’każ ta’ lockdown, il-perjodu jkun itwal minn 3 ġimgħat
  • Post alternattiv għall-professjonisti tas-saħħa li jippreferu ma jorqdux id-dar
  • Appell lil min iħaddem biex min jista’ jaħdem mid-dar

Il-PM Robert Abela ħabbar li minn għada se jingħalqu l-bars u r-ristoranti biex Malta tkompli tiġġieled kontra l-COVID-19. Stabilimenti li joffru servizzi ta’ take-away u delivery se jkunu jistgħu jitħallew jaħdmu.

Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li bdiet għall-4.15pm. Abela qal li għalkemm għalissa m’hemmx bżonn lockdown, mhux qed jeskludi li din l-ordni toħroġ aktar ‘il quddiem. Qal li jekk ikun hemm lockdown, il-perjodu ta’ lockdown ikun itwal minn tliet ġimgħat.

Wara Abela appella biex “min għandu joħroġ joħroġ u min għandu jidħol jidħol”.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk il-Gvern ippjanax għal lockdown, Abela qal li l-pjan għal dan huwa lest.

Skont Abela, il-multa għall-ksur tal-ordnijiet ta’ kwarantina se togħla minn €1,000 għal €3,000.

Abela qal li apparti mill-bars u r-ristoranti se jkunu wkoll magħluqin il-każini, iċ-ċinemas, gyms, u s-swali tat-tombla.

Dalgħodu s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika ħabbret li f’Malta nstabu 9 każi ġodda ta’ coronavirus. Tliet każijiet minnhom ġew trażmessi lokalment. Sitta minnhom ġew impurtati.

Aħdmu mid-dar jekk possibbli – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella biex min ikun jista’ jaħdem mid-dar jagħmel hekk biex l-uffiċini Maltin ma jkunux mimlijin nies.

Fearne qal li l-anzjani għandhom jibqgħu attivi fid-djar tagħhom.

Fearne qal ukoll li l-istrateġija ta’ Malta se tkun biex tara li kemm jista’ jkun iżżomm ir-rata ta’ infezzjonijiet ġodda baxxa.

Aktar minn 300 spezzjoni – Camilleri

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li hemm taqsima sħiħa tal-Pulizija li qed jaraw li l-ordnijiet ta’ kwarantina jiġu segwiti. Qal li s’issa saru 376 spezzjonijiet u ħames persuni ngħataw multa.

63 spezzjoni f’Għawdex, l-ebda multa

Fi tweġiba għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru għall-Intern qal li 63 minn dawn l-ispezzjonijiet saru f’Għawdex u kkonferma li l-ħames persuni li nstabu jiksru l-liġi, nstabu kollha Malta.

Robert Abela qal li dawk il-postijiet li jiftħu meta mhux suppost se jlaqqtu multa.

Chris Fearne qal ukoll li se jkun offrut servizz għall-professjonisti tas-saħħa biex min ma jkunx irid jorqod id-dar wara li jkun lest mix-xogħol, ikun offrut post alternattiv.

Abela qal li l-Gvern qed jisma’ mill-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Qal ukoll li dan huwa mument skomdu għall-poplu Malti.

Fearne qal li Malta se jkollha 600 sodda għall-pazjenti tal-COVID-19. Spjega li 200 minnhom jistgħu jintużaw mill-illum u li dawn għandhom l-istaff meħtieġ magħhom. Żied jgħid li se jiżdiedu 400 sodda oħra fuq medda ta’ ħmistax. Madwar 100 minnhom huma sodod li huma diġà f’Mater Dei li mhux se jkunu qed jintużaw. Dan għaliex l-isptar se jkun qed inaqqas is-servizzi u l-operazzjonijiet li ma jkunux urġenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn