17 Black: Għandu jiġi investigat kull min hu involut – Abela

DOI - Clifton Fenech
Il-Prim Ministru jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Il-Prim Ministru jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Posted by MaltaGov on Friday, June 19, 2020

Il-PM Robert Abela se jkun qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

  • Il-PM Robert Abela jgħid li l-Kummissjoni Venezja laqgħet ‘prattikament il-proposti kollha tal-Gvern’
  • Abela jgħid li l-proposti qed jiġu ffurmati f’abbozzi li se jiġu ppreżentati fil-parlament
  • Abela jgħid li għandhom jiġu investigati l-persuni li għandhom rabta mal-allegazzjonijiet li ħarġu dwar 17 Black aktar kmieni llum
  • Il-PM jgħid li l-pulizija qed tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa biex twettaq l-investigazzjonijiet

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jgħid li jaqsam ir-riformi f’erba’ sezzjonijiet. Iħoss li dan huwa mument kruċjali fl-istorja demokratika ta’ Malta. Jgħid li l-politiku u l-Gvern issa m’għandhomx x’jaqsmu mal-ħatra tal-ġudikatura.

Zammit Lewis jgħid li dwar il-Prim Imħallef il-ħatra dwaru se tibqa’ ssir abbażi tal-qbil li ntlaħaq mal-Oppożizzjoni. Dwar l-Ombudsman qal li dan issa ngħata status kostituzzjonali.

Il-Ministru qal li s-Segretarji Permanenti issa se jibdew jinħatru mill-President.

Zammit Lewis jgħid li ma ntlaħaqx qbil mal-Kummissjoni Venezja dwar xi sentenzi kostituzzjonali.

Robert Abela qal li jirtira kumment li għadda f’Settembru tal-2018 fejn akkuża lill-qraba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li qed ifixklu l-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha. Qal li mhux se jindaħal fil-ħidma tal-istituzzjonijiet.

Abela qal li jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jinvestiga għadd ta’ każijiet li ilhom pendenti.

Abela qal li ma jsib l-ebda diffikultà li jippubblika l-ittra ta’ riżenja tad-Deputat Mexxej tiegħu Chris Cardona. Spjega li Cardona ma ta l-ebda raġuni għar-riżenja tiegħu fl-ittra datata fis-17 ta’ Ġunju.

Il-Kummissjoni Venezja tilqa’ l-isforzi ta’ Malta; tirrakkomanda żewġ bidliet

Fi stqarrija l-Kummissjoni Venezja qalet li ppubblikat opinjoni llum dwar ir-riforma Maltija. Laqgħet l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin biex jiġu implimentati għadd ta’ rakkomandazzjonijiet minn tagħha.

Il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet biex jagħmlu żewġ bidliet:

  1. L-introduzzjoni tal-elezzjoni tal-Prim Imħallef mill-imħallfin tal-Qrati Superjuri jekk ma jkunx hemm qbil ta’ żewġ terzi bejn il-Membri Parlamentari
  2. Li l-Parlament ikollu jaġixxi abbażi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali meta din issib liġi li mhix kostituzzjonali

17 Black bi profitt ta’ miljuni meta l-Enemalta xtrat wind farm f’Montenegro

Yorgen Fenech għamel profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun mix-xiri ta’ wind farm f’Montenegro mill-Enemalta.

Din l-informazzjoni ħarġet permezz ta’ investigazzjoni konġunta bejn Stephen Grey minn Reuters u Jacob Borg mit-Times of Malta.

Fix-xhur qabel inqatlet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga l-kumpanija 17 Black, li wara l-assassinju tagħha, sar magħruf li sidha kien Yorgen Fenech. F’Novembru li għadda, huwa ġie arrestat hu u jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu. Bħalissa qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, peress li hu suspettat li ordna l-qtil.