Filmat: Iridu jimponu fuq il-ġudizzju tal-President – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jindirizza attivita’ politika fil-Mosta.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela jindirizza attivita’ politika fil-Mosta.

Posted by Partit Laburista on Sunday, July 12, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hemm min qiegħed fl-oppożizzjoni li jrid jimponi fuq il-ġudizzju tal-president b’rabta mad-deċiżjoni li jrid jieħu dwar il-futur tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-mexxej Laburista qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Mingħajr ma semma ismijiet Abela qal li hemm min qed jagħmel pressjoni fuq il-President George Vella biex dan jiddeċiedi bilfors kif irid hu. Abela qal li dan huwa sqaq li daħlet fiha l-Oppożizzjoni u li trid tkun hi li toħroġ minnu waħedha.

“Problema li ħloqtu intom, tridu taraw kif se ssolvuha intom,” qal Abela. Kompla jgħid li jkun min ikun hemm fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista xorta se jirbaħlu.

‘Champions tal-governanza tajba’

Robert Abela tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-governanza tajba.

“Aħna champions tal-governanza tajba,” qal Abela lill-partitarji tiegħu li nġabru fil-Mosta. Qal li l-gvern tiegħu jibqa’ kommess fil-governanza tajba. Qal ukoll li l-Gvern Laburista mhuwiex gvern li jagħmel il-manuvri minn wara.

“Dak li tara hu dak li hu,” spjega Abela.

Saħaq li bħalissa l-Partit Laburista qiegħed fl-aqwa tiegħu fejn tidħol is-saħħa elettorali.

Tkellem dwar l-ekonomija u qal li dawk li qegħdin fuq fis-soċjetà għandhom jitħallew jaqilgħu aktar flus filwaqt li ma jistax jintnesa ż-żgħir. Qal ukoll li Malta se tkun qed tinnegozja mal-Kunsill Ewropew biex il-pajjiż jakkwista l-akbar baġit għas-seba’ snin li ġejjin.

Rebecca Buttigieg, kelliema għall-Ministeru għall-Intern kienet waħda mill-kelliema f’din l-attività politika. Faħħret il-ħidma tal-Partit Laburista li qalet li tifforma parti minnu. Ikkrtikat ukoll lill-PN u s-sitwazzjoni li jinsab fiha. Qalet li “dik problema tagħhom” li m’għandiex issir problema tal-pajjiż.

L-MEP Laburista Miriam Dalli kienet ukoll waħda mill-kelliema fl-attività tal-lum. Hi faħħret lill-PL talli neħħa n-nies mill-faqar.