Filmat: Proposta biex il-ħwienet tal-Belt jiftħu sal-10pm

Read in English.

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li bħalissa hemm diskussjoni għaddejja li x’aktarx se twassal biex il-ħwienet fil-Belt Valletta jibqgħu miftuħin sal-10pm kull nhar ta’ Ġimgħa.

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li segwiet iż-żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lill-komunita tan-negozju fil-Belt. Miegħu kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

Is-Sindku Zammit spjega li l-Belt qatt ma kienet mejta, imma kienet tmur torqod kmieni. Qal iżda li llum il-ġurnata, bosta familji u żgħażagħ qed imorru jiddevertu l-Belt. Sostna li għandu jibqa’ jkun hemm rispetto lejn ir-residenti.

Irrimarka li filwaqt li r-ristoranti ħadu spinta kbira, in-negozji bħal dawk tal-ħwejjeġ tilfu ftit mill-popolarità. Qal li dan minħabba li postijiet oħrajn, il-ħwienet jibqgħu miftuħin anke tard filgħaxija. Spjega li bil-ħajja mgħaġġla tal-lum, li l-ħwienet jibqgħu miftuħin sat-tard hija xi ħaġa importanti.

“Opportunità ideali biex nisimgħu lin-negozji” – Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ż-żjara tal-lum serviet bħala opportunità ideali biex wieħed jisma’ lill-komunità tan-negozji u jifhem l-isfidi tagħhom u jsib x’se tkun it-triq ‘il quddiem. “Iż-żjara tal-lum tgħaddi messaġġ ċar: li dan il-Gvern se jkun aktar viċin tal-pubbliku, iżda wkoll tal-komunità kummerċjali,” qal Abela.

Intant, il-Ministru Schembri spjega li l-ekonomija se tkompli tissaħħaħ bl-istess livell u pass tas-snin preċedenti. Qal li din il-laqgħa mas-sidien tan-negozji tat lill-gvern sens ta’ kuraġġ biex ikompli jaħdem u javvanza fuq dak li għamel sa issa.  

Filmat: Beppe Galea