Filmat: Qed nikkontrollaw is-sitwazzjoni tajjeb – il-PM

Aġġornat 08:20 PM

Robert Abela jitlob lin-nies ikunu warajh meta jsalva l-ħajjiet tal-immigranti

Read in English.

Il-PM u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat waqt il-programm ‘Pjazza’

Il-PM u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat waqt il-programm ‘Pjazza’

Posted by Partit Laburista on Monday, August 3, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta qed tikkontrolla s-sitwazzjoni tal-coronavirus b’mod tajjeb.

Abela qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. L-intervista saret mill-preżentatur Karl Stagno Navarra.

L-intervista ffukat prinċiparjament fuq is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u l-immigrazzjoni. Dwar l-immigrazzjoni Abela talab lin-nies ikunu warajh meta jsalva l-ħajjiet tal-immigranti mill-baħar.

‘Il-poplu jieħu pjaċir, il-Gvern isolvi l-problemi’

Abela qal li l-Gvern qiegħed hemm biex isolvi l-problemi tan-nies b’rabta mal-pandemija filwaqt li l-poplu jista’ jqatta’ l-ħin tiegħu jieħu pjaċir. Hu ddeskriva s-sena 2020 bħala l-agħar waħda fl-aħħar snin.

Il-PM qal li l-maġġoranza tal-persuni morda bil-coronavirus f’Malta bħalissa m’għandhomx sintomi jew inkella għandhom sintomi ħfief.

Spjega li ttieħdet id-deċiżjoni li jinżammu l-faċilitajiet mediċi għal li jista’ jinqala’ fil-futur. Qal li s’issa dawn intużaw ftit li xejn.

Abela qal li jekk attività tal-massa jkollha sogru inaċċettabli magħha din l-attività m’għandiex issir.

Ftit tal-jiem ilu, Abela kien qed jaffaċċja possibilità ta’ strajk mit-tobba u mill-professjonisti tas-saħħa. Dan għaliex riedu li jitħassru l-attivitajiet tal-massa. Wara, il-Gvern ħareġ miżuri dwar dawn it-tip ta’ attivitajiet.

‘M’hemmx soluzzjoni sħiħa dwar l-immigrazzjoni’

Abela qal li m’hemmx soluzzjoni sħiħa għall-immigrazzjoni. Meta qal dan saħaq li jippreferi jkun onest. Appella lin-nies biex iħarsu lejn l-istatistika u jindunaw li l-ammont ta’ immigranti li daħlu f’Malta din is-sena kien inqas minn dak tas-sena l-oħra.

Qal li huwa mħasseb ħafna bis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. Qal li l-ħsibijiet tiegħu huma l-istess bħal dawk tan-nies.

Dwar is-salvataġġ tal-ħajjiet Abela qal li ma kienx hu li ħoloq il-liġijiet internazzjonali. Qal li jekk Malta ma timxix ma’ dawn il-liġijiet ikun hemm il-konsegwenzi. Żied jgħid li Malta ma tiflaħx tkun f’pożizzjoni fejn il-PM ta’ kuljum ikun taħt inkjesta maġisterjali.

Abela qal li qed isir “minn kollox” biex kemm jista’ jkun ma jidħlux dgħajjes bl-immigranti f’Malta. Saħaq li Malta ma aċċettatx xi ftehim b’rabta mal-immigrazzjoni biex ħadet l-aħħar pakkett ta’ għajnuna mill-UE.

Fi kliem Abela, hija l-Italja biss li toffri li tgħin l-immigranti li jinsabu f’diffikultà.

Abela kien kritiku taż-żieda tal-istatistika tal-każi ta’ COVID-19 fost l-immigranti li qed jiżdiedu mat-total ta’ każi f’Malta fiċ-ċifra ta’ kuljum. Abela qal li l-immigranti li jinstabu pożittiv għall-virus huma “f’iżolament f’postijiet imsakkrin”.