Filmat: “Se niftħu l-bqija tan-negozji, il-Qorti, il-gyms u l-ajruport” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju se jinfetħu l-bqija tan-negozji, il-Qorti u l-gyms. Intant qal li mill-1 ta’ Lulju, Malta se tkun qed tiftaħ il-portijiet tagħha.

Dwar miżuri restrittivi rilaxxati u l-għadd baxx ta’ persuni ġodda infettati, il-Prim Ministru semma li l-istatitstika turi b’mod ċar li l-coronavirus issa qiegħed warajna. Qal li issa l-pajjiż jinsab sejjer lura għan-normalità assoluta. Sostna li l-fatti dejjem urew li bir-rilaxx tal-miżuri ma kienx se jkun hemm żieda fil-każi.

Abela spjega li minn għada, l-1 ta’ Ġunju, se jitħabbru t-tneħħija ta’ numru ta’ miżuri restrittivi oħrajn mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju. Qal li l-istabbilimenti li għadhom magħluqin se jkunu jistgħu jiftħu, il-Qorti se tiftaħ mill-ġdid u anke l-gyms. Spjega wkoll li se jidħlu protokolli ġodda li raw li jaħdmu biex titħares is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.

Baġit ġdid għall-pajjiż fi żmien 8 jiem

Abela semma kif mit-Tnejn 8 ta’ Ġunju se joħroġ il-Budget multi-miljunarju. Qal li fih, se jidher li l-Gvern se jkompli jqassam u mhux se jieħu lura dak li ta lin-nies. Qal li l-baġit se jinċentiva lil dawk li jinvestu u juri ringrazzjament lejn in-negozji li rrifjutaw li jċedu għad-diffikultajiet li kellhom.

Intant fl-1 ta’ Lulju se jkunu qed jiftħu l-ajruporti. Qal li l-Gvern se jkun qed jaħdem b’mod għaqli u b’kawtela biex ma jkunx hawn riskju.

Dwar l-elezzjoni ġenerali u dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Abela qal li dak li għandu bżonn il-pajjiż f’dan il-mument huwa stabbilità. Qal li elezzjoni ġenerali ma ġġibx stabbilità magħha. Insista li l-Gvern Laburista se jibqa’ għaddej bil-mandat sħiħ u mhux se jkun qed isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.

Abela qal li jixtieq li jintroduċi miżura ta’ ringrazzjament lejn il-poplu Malti. Qal li minkejja l-episodji ta’ nuqqas ta’ rispett kien hemm, imma ħafna mill-pubbliku kienu persuni li rrispettaw il-miżuri. Qal li hija x-xewqa tiegħu li jkun hemm mekaniżmu ta’ amnestija għall-multi li qed jeħlu persuni ġenwini minħabba żball jew nuqqas ta’ attenzjoni.

Il-ftuħ tal-portijiet hija deċiżjoni tajba – MHRA

L-Assoċċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet b’mod pożittiv id-deċiżjoni tal-Gvern li mill-1 ta’ Lulju se jkunu qed jinfetħu l-portijiet. Madankollu xorta jibqgħu jsostni li kien ikun aħjar għat-turiżmu li kieku l-portijiet jinfetħu fil-15 ta’ Ġunju.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li issa li l-Gvern iddeċieda dwar il-ftuħ tal-portijiet, is-settur turistiku għandu bżonn jagħmel dak kollu possibbli biex jerġa’ jibda jiġġenera l-ekonomija. Żied li l-Gvern għandu jkompli jgħin lil dawn in-negozji sakemm iqumu lura fuq saqajhom.

Zahra kompla li l-MHRA se tkompli taħdem mal-Ministru tat-Turiżmu u l-protezzjoni tal-konsumatur, mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mal-Airmalta, mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u ma’ dawk kollha involuti fit-turiżmu.

Zahra kkonkluda li l-ftuħ tal-portijiet huwa pass fit-triq it-tajba u hemm bżonn li ssir aktar ħidma biex jerġa’ jibda jiġi diskuss is-suċċess ta’ dawn in-negozji.

“Lil Jason Azzopardi ma naħfirlu qatt”

Dwar id-deċiżjoni tal-Qorti dwar id-denunzja fil-konfront tal-Prim Ministru u l-Brigadier tal-Armata, il-PM qal li jidher ċar li ma kienx hemm l-ebda pass li jista’ jitqies kriminali. Qal li hu ħass li kien dover tiegħu li jmur minn jeddu għand l-Aġent Kummissarju biex jieħu l-proċeduri kollha fil-konfront tiegħu. Qal li l-konklużjonijiet huma ċarissimi fil-konfront tiegħu, tal-Brigadier u l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Abela sostna li hu mhux se jaħfer u lanqas se jinsa dak li għamel il-MP Jason Azzopardi. Qal li jekk Azzopardi kien bi ħsiebu jagħmel azzjoni legali, messu talab spjegazzjoni lil dawk li nfetħu d-denunzji fil-konfront tagħhom. Qal li l-intenzjoni kienet biex barra minn Malta, persuni jgħidu li l-Prim Ministru ta’ Malta, il-Brigadier u membri tal-Forzi Armata għandhom akkużi fil-konfront tagħhom li jista’ jitfagħhom il-ħabs.

Sostna li hu mhux qed jitkellem dwar Repubblika iżda dwar indħil ta’ persuni mill-Oppożizzjoni li juża’ lil dawn l-NGOs għal raġunijiet politiċi.

Intant, talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu wara dan ir-riżultat.

“Lil-Libja ma nikkundannawhiex aħna”

Dwar il-laqgħa tiegħu fil-Libja, Abela qal li huma tkellmu dwar il-problema li hemm fil-Libja. Qal li hu seta’ ħa triq aktar faċli u għamel telefonata. Qal li ħadu deċiżjoni li jmorru direttament il-Libja. Qal li hemm ra verament il-problema x’inhi u sema kif il-Libja għandha influss ta’ immigranti li ġejjin minn kull naħa. Qal li dawn jispiċċaw fil-Libja lesti jaqsmu lejn l-Ewropa biex ifittxu futur aħjar jew differenti.

Abela qal li għamlu l-pożizzjoni tagħhom b’saħħitha li Malta hija mimlija u qed terfa’ piż akbar milli tiflaħ. Qal li l-pożizzjoni tal-immigranti fuq vapuri hija “statement” lill-pajjiżi l-oħrajn Ewropej li ma jistax ikun li kulħadd jibqa’ jaħsel idejh. Qal li din hija problema tal-Unjoni Ewropea u mhux ta’ Malta waħedha u l-piż irid jinqasam bejn kulħadd.

Abela insista li lil-Libja ma jikkundannahiex. Qal li fl-aħħar ġimgħat, “il-ħbieb tagħna l-Libjani” offrew għajnuna lill-pajjiż, u wkoll Malta offriet l-għajnuna lura.

“Abela ma jafx x’inhi d-differenza bejn il-partit u l-Gvern” – Repubblika

L-għaqda Repubblika kkritikat l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela u sostniet li dan mhux kapaċi jiddistingwi bejn il-partit u l-Gvern. Fi stqarrija b’reazzjoni għad-diskors ta’ Abela, Repubblika kkundannat l-użu regolari tal-media tal-Partit Laburista biex il-PM iħabbar deċiżjonijiet tal-Gvern b’rabta mal-coronavirus.

Repubblika sostniet li b’din l-imġieba, Abela jikkonferma li ma jagħmilx differenza bejn partit u gvern u “li jqis li l-Gvern Malti huwa biss għodda f’idejn il-Partit Laburista.”