Filmat: “Ma narax li Joseph Muscat għandu jitneħħa mill-PL” – Abela

Il-PM Robert Abela qal li bħala PM mhux jara l-ebda inkompatibilità li l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jkun parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Huwa qal li jrid jagħmel distinzjoni bejnu u bejn x’ġara fuq Konrad Mizzi. Għall-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ The Times of Malta Keith Micallef, il-PM qal li ma keċċihx mhux kwistjoni ta’ biża’ imma qal li hu jieħu d-deċiżjoni skont l-informazzjoni li jkollu bħalissa.

Reġa’ saħaq li ma jarax għaliex għandu jagħmel elezzjoni bikrija biex jibda’ paġna ġdida. Huwa qal elezzjoni bikrija hija għażla faċli minħabba li “r-riżultat huwa antiċipat” iżda mhix l-aqwa għażla għall-pajjiż. Spjega li l-Gvern huwa ffukat biex isostni l-ekonomija f’dan iż-żmien ta’ rkupru wara l-pandemija.

Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist u Fundatur ta’ Lovin Malta Chris Peregin, il-PM ċaħad allegazzjonijiet li fil-Kabinett ta’ Novembru kien diskuss il-każ tax-xiri ta’ wind farm fil-Montenegro filwaqt li ċaħad ukoll li jaf min hu s-sid tal-kumpanija Macbridge.

Dwar id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-eks-Ministru Justyne Caruana u tal-eks-Ministru Konrad Mizzi, Abela qal li l-Laburisti mhumiex konfużi u urtati bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu iżda ammetta li qiegħdin isiru mistoqsijiet.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalisti tal-Lovin Malta, Times of Malta u l-Orizzont.

Turiżmu

Dwar it-turiżmu, il-PM qal li fl-1 ta’ Lulju l-ajruport se jkun miftuħ għal 24 destinazzjoni. Għall-mistoqsija tal-ġurnalist tal-Orrizzont Claudio Coleiro, il-PM qal li t-turiżmu huwa kruċjali għal Malta.

Privileġġ Parlamentari

Il-PM qal li xi deputati qed jabbużaw mill-privileġġ Parlamentari. Huwa spjega li dan il-privileġġ iservi biex il-funzjonijiet ewlenin tal-Parlament ikunu protetti. Stqarr ukoll li dan il-privileġġ jista’ jitneħħa iżda qal li ma jemminx li għandu jsir dan għaliex hemm raġunijiet ġenwini għalfejn għandu jintuża.

Ksur tal-liġi finanzjarja dwar reklamar fuq Facebook

Il-PM qal li qatt ma ntalab parir dwar il-flus li ntefqu mill-Ministru fuq reklamar fuq Facebook. Il-PM ftaħar bil-proċess leġislattiv li serva biex il-Lovin Malta setgħet tagħmel ilment mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-PM qal li bħala Gvern irranġaw is-sistema biex tiġi taqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju li permezz tagħhom infetħu paġni ġodda għall-Ministeri fuq Facebook.

Dwar l-Inkjesta Maġisterjali il-PM qal li se jiddefendi lill-Ministri kollha fil-kawża kriminali li nfetħet fil-Qorti iżda qal li fejn hemm bżonn tibdil se jsir. Huwa appella wkoll għall-prudenza.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja

Il-Prim Ministru qal li lestew l-abbozzi tal-liġijiet intbagħtu lill-Kummissjoni Venezja biex jiġu approvati fil-Parlament. Huwa spjega li issa se tiġi involuta l-Konvenzjoni Kostituzzjonali mmexxija mill-President biex ir-riformi jkomplu r-riformi u Malta, skont il-PM tiġi mudell għal kif titħaddem is-saltna tad-dritt.

Kostruzzjoni

Dwar ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni, il-PM qal li għaddejja reviżjoni interna dwar ir-rakkomandazzjonijiet għat-tibdil fil-liġjiet. Huwa spjega li dan sabiex tissaħħaħ il-liġi u jiġu protetti l-ġirien ta’ siti ta’ kostruzzjoni. Mingħajr ma semma l-ebda dati, il-PM qal li dalwaqt se jkunu qed jitressqu r-riformi meħtieġa. Stqarr li l-aktar ħaġa importanti hija l-kwalità tal-ħajja li tkun aħjar u saħaq li l-inkiwet għandu jitħalla f’idejn il-Gvern biex isolvi l-problemi.

Kummissarju tal-Pulizija ġdid

Il-PM tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid billi qal li huwa diżappuntat li l-Oppożizzjoni ma pparteċipatx fis-smiegħ ta’ Angelo Gafa li din il-ġimgħa nħatar bħala l-Kummissarju l-ġdid.

Airmalta

Il-PM qal li l-futur tal-bdoti huwa f’idejhom stess. Huwa qal dan minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti li kkonfermat l-għażla li l-linja tal-ajru tkeċċi lil-bdoti.