Filmat: “In-numri tal-immigranti se jitneħħew min-numri f’Malta” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li n-numri ta’ każijiet pożittivi ta’ coronavirus fost l-immigranti li jidħlu Malta minn fuq il-baħar mhux se jibqgħu aktar fil-lista ta’ każijiet f’Malta.

Il-PM qal dan waqt intervista fuq One TV, l-istazzjon tal-Partit Laburista, fejn qal li Malta rnexxielha tikkonvinċi lill-entità Ewropea, ECDC, biex in-numri tal-immigranti f’Malta jiġu esklużi mill-istatiastika nazzjonali ta’ Malta. Qal li l-argument tal-Gvern ġie milqugħ wara persistenza mill-uffiċjali tal-Gvern.

Dwar l-istatistika, il-Prim Ministru qabbel it-total ta’ infezzjonijiet ma’ dak fil-Lussemburgu fejn Malta għandna total ta’ 1,175 u fil-Lussemburgu hemm total ta’ 7,405. Qal li Malta tibqa’ l-pajjiż bl-inqas infezzjonijiet fl-Unjoni Ewropea u bl-anqas imwiet. Huwa aċċenna wkoll għar-rata ta’ testijiet li qed isiru u qal li hija l-akbar waħda fl-Unjoni Ewropea.

Il-PM qal li huwa żbaljat li wieħed iwaħħal fil-festa ta’ Santa Venera jew fl-attività Hotel Takeover bħala li kienu l-kaġun tal-każijiet kollha attivi.

Tul l-intervista, il-Prim Minsitru saħaq li fuq il-midja soċjali qed ikun hemm wisq miżinformazzjoni li qed toħloq anzjetà fost il-poplu. Huwa qal li kien u se jibqa’ jkun onest.

Appella għal aktar dixxiplina fost kulħadd fosthom fl-użu tal-maskra anke f’postijiet li mhux obbligatorji. Il-PN saħaq li dwar dan ma hemmx bżonn aktar miżuri restrittivi iżda reġa’ appella għad-dixxiplina.

“Se niltaqa’ mal-Ministru Fearne u l-Professur Gauci f’nofsinhar”

Il-PM appella biex ħadd ma jipprova juri firda fejn m’hemmx b’referenza għad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Huwa ftaħar bil-fatt li llum il-Ħadd se jkun qed jiltaqa’ mal-Ministru Fearne u mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-pandemija. Huwa qal li minkejja li l-Ħadd huwa xorta jaħdem iżda indika li xi ġurnalisti ma aċċettawx l-istedina li jintervistrawh illum peress li l-Ħadd.

Il-Mexxej Laburista qal li hu kburi li huwa soċjalist iżda qal li l-faxxa tan-negozji trid tibqa’ tiġi sostnuta ħalli l-impjiegi jiġu salvati. Sostna wkoll li l-Gvern falla fl-iżvilupp edukattiv u saħaq li se jkompli jsir ix-xogħol biex Malta tasal fir-raba’ rivoluzzjoni industrijali u tibda tuża’ aktar mezzi diġitali. Stqarr ukoll li l-istrateġija tal-Gvern hija wkoll biex itejjeb l-infrastruttura fosthom bil-bini ta’ toroq ġodda. Tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn qal li l-Gvern irid ikollu miri għal 10 snin.

Top marks lill-membri kollha tal-Kabinett

Il-PM rringrazzja lill-Ministri kollha talli fl-aħħar seba’ xhur ingħaqdu miegħu biex il-Gvern imexxi lil Malta fil-pandemija. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ Net TV li staqsa lill-PM x’marka jagħti lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għall-istrateġija li hija ħadmet biha fl-aħħar ġimgħat.

Dwar kif imxiet din il-Ministru, il-Prim Ministru qal li l-komunikattiva tal-Gvern trid tiżdied. Qal li kkomunika dan mal-Ministru Farrugia Portelli u stqarr li l-Gvern se jkun qed jikkomunika b’mod aħjar.